[Aġġornat] Joe Cassar jirreżenja ... jgħid li 'm'għamilt xejn ħażin jew illegali'

Jgħid li mhux lest jaċċetta "l-attakk feroċi" fuqu...il-PL jakkuża lil Busuttil li ħalla madwaru eks-Ministru li 'ħa rigali mingħand Gaffarena' 

L-eks Ministru għas-Saħħa Joe Cassar irreżenja mill-parlament • Ritratt: Ray Attard
L-eks Ministru għas-Saħħa Joe Cassar irreżenja mill-parlament • Ritratt: Ray Attard

Id-Deputata Nazzjonalista Joe Cassar irreżenja mill-Parlament ftit tal-ħin ilu, għalkemm f'ittra mibgħuta lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil huwa reġa tenna li m'għamel xejn ħażin jew illegali. Fl-ittra ta' riżenja x-Shadow Minister Cassar sostna li huwa kien qed jirreżenja mill-Parlament għax ma riedx jibqa' parti mill-politika li, skontu, waqgħet fil-baxx. "Jien dħalt fil-politika biex ngħin lil ħaddieħor mhux biex inħalli i jsir assasinju tal-karattru tiegħi." 

Din ir-riżenja tiġi hekk kif il-Ħadd li għadda il-ġurnal Maltatoday żvela kif fl-2011 Gaffarena kien ħallas għal xi xogħolijiet fid-dar ta' Cassar li kienu jlaħħqu l-valur ta' €8,000. Cassar innega wkoll rapporti li deheru fuq l-istess ġurnal illi irraporta kif Cassar ma kienx iddikjara dawn it-€8,000 f'xogħolijiet.  

Minkejja l-akkużi fil-konfront ta' Cassar u x-xogħolijiet li allegatament saru fil-proprjeta' tiegħu minn Gaffarena, li ma kienux dikjarati, il-Kap tal-PN baqa' jinsisti li Cassar m'għamel xejn ħażin u li ma kellux jirriżenja mill-Partit. Fil-fatt f'ittra mibgħuta lil Cassar b'risposta Busuttil aċċetta r-riżenja "b'dispjaċir".

L-ewwel reazzjonijiet mill-PN u l-PL għar-riżenja ta' Cassar  

Intant fi stqarija il-PN qal illi reġa qed joħloq l-istandards li magħhom għandha timxi l-politika bir-riżenja ta' Cassar filwaqt li "l-Prim Ministru Joseph Muscat ilu jkaxkar saqajh xhur twal biex jieħu passi kontra s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon. Huwa ċar li Joseph Muscat mhux kapaċi jieħu deċiżjoni fuq l-iskandli li fnew il-Gvern Laburista."

Minn naħa tiegħu l-Partit Laburista sostna illi r-rizenja ta' Joe Cassar mill-Parlament tikkonferma" kemm fil-jiem li għaddew Simon Busuttil kien dgħajjef u ma ħax id-deċiżjoni li kienet ovvja li kellu jieħu. Simon Busuttil l-ewwel qal li Cassar huwa persuna ta' integrità, imbagħad lagħab b' rizenja redikola minn kelliem, imbagħad ilbieraħ qal li ma kien sar xejn ħazin u ma kienx hemm bżonn ta' rizenja, u issa ġie ffaċċjat minn rizenja mill-Parlament".

Il-PL ifakkar kif fil-fatt Simon Busuttil għadu qed jiddefendi lil Joe Cassar li bħala Ministru kien ħa rigali mingħand Gaffarena u qal li laqa’ r-riżenja ta’ Joe Cassar “b’dispjaċir”. "Dan huwa każ ieħor li juri li Simon Busuttil jiddefendi anke ksur flagranti tal-kodiċi tal-etika li sar min-nies ta’ madwaru. L-agħar error of judgement jibqa’ ta’ Busuttil li żamm madwaru l-istess nies u ma biddel xejn mill-politika tal-passat tal-PN. Issa x’se jagħmel Busuttil bi Claudio Grech, Giovanna Debono u Toni Bezzina? Dan il-każ huwa the tip of the iceberg meta tara n-nies li ddawwar bihom Simon Busuttil" itemm jgħid il-PL

 

 

More in Politika