Il-każ ta’ Amanda Muscat jikxef beraħ l-abbuż tal-impjiegi politiċi ta’ kulħadd

Hekk kif l-iskandlu ta’ Amanda Muscat, il-mara ta’ Clayton Bartolo, daħal fit-tieni ġimgħa tiegħu, il-Gvern beda jitkellem dwar deputati Nazzjonalisti li huma impjegati mal-Gvern u ma jmorrux għax-xogħol jew inkella jiskartaw

Hekk kif l-iskandlu ta’ Amanda Muscat, il-mara ta’ Clayton Bartolo, daħal fit-tieni ġimgħa tiegħu, il-Gvern beda jitkellem dwar deputati Nazzjonalisti li huma impjegati mal-Gvern u ma jmorrux għax-xogħol jew inkella jiskartaw

L-ewwel mira kien Toni Bezzina li huwa impjegat tal-Gvern u li rarament jidher għax-xogħol. Indaġni mill-ILLUM ikkonfermat li Bezzina rarament ikun għax-xogħol. Infatti kemm-il darba jkun fuq sit privat bħala perit minflok. 

L-ILLUM setgħet tikkonferma li meta jmur ix-xogħol imur biex jimla l-fuel tal-karozza tiegħu li juża għal skopijiet privati.  

L-istess jingħad għal Justin Schembri, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni, li skont indaġni oħra, kien ukoll ikun assenti mill-post tax-xogħol waqt li kien fid-Dipartiment tal-Eżamijiet. Huwa tmexxa biex jerġa’ jkun edukatur fi skola fir-Rabat. 

Nies oħra mill-kamp Nazzjonalista li jaħdmu mal-Gvern jinkludu lil Graziella Galea, Robert Cutajar u David Agius. Fil-każ ta’ Agius u Cutajar, il-gazzetta ma setgħetx tikkonferma jekk ikunux assenti jew le.  

Fil-każ ta’ Graziella Galea, l-ILLUM ivverifikat li din dejjem tkun fuq il-post tax-xogħol. 

Din il-kwistjoni ta’ min jattendi jew ma jattendix ix-xogħol waqt li jkun impjegat mal-Gvern u mħallas mit-taxxi tal-poplu, ma tnaqqasx mis-serjetà tal-każ ta’ Amanda Muscat. Muscat hija persuna li ngħatat xogħol li għaliha ma kellha l-ebda kwalifiki, li ngħata lilha għax kienet min kienet, u fuq kollox, lanqas biss għamlitu. 

Wara dan kollu, wieħed irid jara jekk il-Gvern u l-Oppożizzjoni hux se jieħdu azzjonijiet konkreti biex jinbidlu l-proċeduri meta jiġu ingaġġati politiċi jew nies viċin tagħhom. 

More in Politika