68% tal-qarrejja ta' dan is-sit jaqblu ma' mina bejn il-gżejjer

Iżda numru minnhom jesprimu biża u riżervi dwar l-impatt ambjentali

Tlieta minn kull ħames qarrejja li pparteċipaw fi stħarriġ fuq is-sit illum.com.mt qablu mal-proposta li tinbena mina bejn Malta u Għawdex, iżda madankollu, bosta esprimew it-tħassib tagħhom għall-ispiża u l-impatt ambjentali li proġett bħal dan se iħalli.

Minkejja li l-idea ta’ link permanenti bejn iż-żewġ gżejjer ilha tiġi mqajma għal bosta snin, dan l-aħħar, proprju ġimagħtejn wara li l-ILLUM żvela l-pjanijiet tal-mina, il-proġett m’għadux jidher bħala kastell fl-arja. Kuntrarjament, il-proġett jidher li għandu l-appoġġ taż-żewġ partiti ewlenin u skont il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija Michael Grech, għandu wkoll l-appoġġ sħiħ tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Mistoqsija jekk jaqblux mal-proposta li tinbena mina bejn Malta u Għawdex, 57% tal-qarrejja qalu li jaqblu mal-mina għax tagħmilha iktar komda biex tasal Għawdex, filwaqt li 11% qalu li proposta bħal din tagħmel ħajjet l-Għawdxin iktar faċli. Bl-istess mod, il-kumdità tal-ħaddiema Għawdxin u l-aċċessibbilità għall-aktar kummerċ f’Għawdex kienu wħud mill-fatturi ewlenin għaliex il-maġġoranza tal-qarrejja qablu mal-mina.

F’dan ir-rigward spikkaw il-kummenti tal-qarrejja, fosthom dak ta’ Alfred Hili li qal li “hemm bżonn ta’ mina għax Għawdex qed tmut.” Hili sostna li filwaqt li l-barranin jippreferu Għawdex kif inhu bħalissa, iż-żgħażagħ qed isibuha diffiċli biex isibu xogħol, u li permezz ta’ mina jikber l-investiment f’Għawdex. Bl-istess mod, Jean Catania u Silvio Borg qalu li l-mina hija triq ’il quddiem u li permezz tagħha ikun hemm iktar aċċessibbilità u produttività fil-gżira Għawdxija.

Skont rapport li deher fuq din il-gazzetta, il-mina proposta bejn Malta u Għawdex se tkun twila 11-il kilometru, 100 metru taħt il-livell tal-bar u se tkun tiftaħ minn Ta’ Xħajma fin-Nadur u tiżbokka fiż-żona magħrufa bħala taċ-Ċumnija, fil-Mellieħa. Fil-kummenti tiegħu ma’ din il-gazzetta, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija kien qal li diġà hemm interess qawwi għall-bini ta’ dan il-proġett minn kumpanija Norveġiża. 

More in Politika