"Jiddispjaċini Ministru Joe Mizzi iżda int mdawwar b'nies inkompetenti li ma jafux x'inhu traffic management u għalhekk qed tidher ikrah int meta għandhom jidhru koroh dawn in-nies li qed jitħallsu l-belli liri". Hekk bdiet l-artiklu tagħha fl-Orizzont illum l-avukata Anna Mallia illi tikkritika bil-qawwi prattiċi wżati fl-istess awtorita'. Hi tikkritika dak li ssejjaħħlu nuqqas ta' għarfien permezz ta' sinjali li juru li triq mhux tajba li tgħadi minnha minħabba li jkun hemm għargħar. "Imma dawn ta' Transport Malta mid-dehra jaħdmu biss sal-5:00 p.m. u għalihom m'hemmx xogħol u traffic management wara l-ħinijiet tax-xogħol u fi tmiem il-ġimgħa."
Filwaqt li tgħid li dwar it-trafiku "l-id il-leminija ma tafx x'inhi tagħmel ix-xellugija" tikkritika kif ħadd minn TM ma jara li jagħlaq it-triq tal-Imsida meta tkun mgħerrqa b'sinjali li juru toroq alternattivi. "Ma nafx għaliex din Transport Malta ma tqumx mir-raqda li qiegħda fiha u tibda minn issa tavża l-ħin kollu liema toroq huma tajbin u liema le meta tkun ix-xita."
Mallia tikkritika l-fatt li tul Triq il-Kosta hemm erba' (fil-fatt hemm ħames) roundabouts u anke kif amministrazzjonijiet preċedenti kienu ġabu persuni mill-Ġermanja li ġew "bl-idea ġenjali ta' roundabout enormi l-Kappara".
"Transport Malta jidher biċ-ċar li m'għandha lil ħadd jifhem fl-immaniġġjar tat-traffiku, jidher ċar li m'għandha lil ħadd li jieħu inizjattiva biex jagħmel kampanja ta' edukazzjoni lis-sewwieq", ttemm tgħid Anna Mallia.