Ilbieraħ filgħaxija, waqt sessjoni oħra tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi, fejn ta x-xhieda tiegħu l-editur maniġerjali ta' MediaToday, Saviour Balzan, intqal kif Austin Gatt, dakinhar ministru, kien ikun jaf b'dak kollu li jkun għaddej fl-Enemalta. Dan għalkemm Balzan iċċara kif mhux neċessarjament kien jaf bil-korruzzjoni li kienet għaddejja.
Tul ix-xhieda tiegħu quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi, Saviour Balzan qal kif kellu d-dubji tiegħu għalfejn Lawrence Gonzi, li dakinhar kien Prim Ministru, kien ta l-maħfra presidenzjali lill-George Farrugia. Fil-fatt, Balzan sostna li Farrugia ma kellux jingħata din il-maħfra. Fl-istess waqt, ra li ma kinetx tagħmel sens kif intqal li Gonzi ma kienx jaf lill-familja ta' Farrugia meta martu stess kienet is-segretarja tal-istess Gonzi meta hu kien ċermen ta' Mizzi Group.
Balzan kompla jsostni fix-xhieda tiegħu li l-fatt li kien hemm kawżi dwar każ separat ta' €5miljuni fil-prokurament taż–żejt tal-avjazzjoni mal-kumpanija Shell, kellu jindika li kien hemm xi ħaġa għaddejja, u mhux, deher li hu għamel xi ħaġa ħażina meta ħareġ bl-istorja.