Il-ftehim tax-Schengen se jiġi sospiż bħala miżura ta' sigurtà

Il-Gvern jikkonferma li se jissospendi temporanjament l-ftehim tax-Schengen bħala miżura ta’ sigurtà

Il-Gvern ikkonferma li se jissospendi il-ftehim tax-Schengen bħala miżura ta’ sigurtà, hekk kif fil-jiem li ġejjin Malta se tospita diversi kapijiet ta’ pajjiżi.

Fi stqarrija, l-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali qal li b’rabta mal-Valletta Summit u ċ-CHOGM, se jiddaħħlu temporanjament kontrolli tal-fruntiera fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u fit-Terminal tal-Passiġġieri fil-Belt Valletta għal tluq u walsiet minn stati fiż-żona Schengen.

Effetivament dan ifisser li kull min jidħol u joħroġ minn Malta jkollu jippreżenta dokument ta’ identifikazzjoni , kif diġà jkun mitlub jagħmel qabel iċ-check in, iżda għal dan il-perjodu wkoll qabel it-tluq u mal-wasla fl-ajruport jew port ta’ Malta.

Dawn il-kontrolli se jiddaħħlu mit-Tnejn, 9 ta’ Novembru 2015 f’00:01am sal-Ġimgħa, 13 ta’ Novembru 2015 f’nofs il-lejl, u mill-21 ta’ Novembru 2015 f’00:01am sad-29 ta’ Novembru 2015 f’nofs il-lejl.

Fil-każ ta’ ċittadini Maltin u ċittadini oħra tal-Unjoni Ewropea karta tal-identità nazzjonali valida tkun biżżejjed biex tidħol f’Malta, filwaqt li passport huwa ukoll aċċettat iżda mhux neċessarju.

F’każ ta’ ċittadini mhux Maltin u mhux tal-Unjoni Ewropea, dawn kif dejjem kien il każ, jkollhom bżonn passaport. 

Il-Gvern qal li għal kwalunkwe mistoqsija, wieħed jista’ jċempel fuq 23696416 jew 21222941.

More in Politika