Fit-tmiem tal-Kunsill Ewropew li ġab fi tmiemhom l-attivitajiet kollha marbutin mal-Valletta Summit il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li liberta tal-moviment minn pajjiż għall-ieħor ma jfissirx bibien miftuħin beraħ għal kull min irid jgħaddi. Għall-mistoqsija tal-illum.com.mt dwar il-kontrolli fuq il-fruntieri, inkluż dawk Afrikani, Muscat fakkar illi bħal ma jiġri issa mal-fruntieri hemm miżuri ta' sigurta' u sorveljanza.
Minkejja dan hu għamilha ċara li jibqa' jemmen li l-kunċett tax-Shengen għandu jibqa' mħares, anke jekk jeġtieġ li jsiru bidliet u aġġornamenti fir-regolamenti.
Dwar il-laqgħat tal-Kunsill Ewropew Muscat qal illi d-diskussjoni daret l-aktar madwar il-pajjiż ġar tal-Ewropa, t-Turkija. Huwa qal li d-diskussjoni kienet l-aktar dwar x'tip ta' relazzjoni l-Ewropa trid li jkollha mat-Turkija u ħabbar kif se jkun qed isir Summit bejn il-mexxejja Ewropej u dawk Torok biex ikunu diskussi diversi temi. Fost it-temi, hemm dik li l-UE tagħti għajnuna lit-Turkija, fid-dawl tal-problema ta' immigrazzjoni li għandu l-istess pajjiż.