‘Il-Partit Laburista għad jissipjaċih li tilef lil Marlene Farrugia’ - Cacopardo
L-ambjentalisti jgħidu li Marlene kienet l-aktar vuċi b'saħħitha favur l-ambjent
More in Politika
L-ambjentalisti jgħidu li Marlene kienet l-aktar vuċi b'saħħitha favur l-ambjent
Kmieni din il-ġimgħa, il-Membru Parlamentari Marlene Farrugia, permezz ta’ ittra miktuba bl-idejn, irreżenjat mill-Partit Laburista. Farrugia, li ssieħbet fil-Partit Laburista fl-2003, irreżenjat mill-grupp Parlamentari u mill-kariga tagħha bħala Chairperson tal-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.
Ftit ħin qabel ma rriżenjat, Farrugia kienet ingħaqdet mal-Oppożizzjoni f’vot kontra żewġ emendi proposti għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat aċċetta r-riżenja ta’ Farrugia u iktar tard permezz ta’ tweet, Muscat awguralha r-risq għall-futur.
Marlene Farrugia hija ukoll is-sieħba tal-whip tal-Partit Laburista, Godfrey Farrugia.
Issa li rreżenjat mill-Partit Laburista, Marlene Farrugia se tkun qed isservi l-irwol tagħha ta’ deputata eletta mill-poplu, iżda bħala Membru Parlamentari indipendenti. Qatt ma żammet lura milli tressaq l-opinjoni tagħha, u saħansitra kienet attendiet attività organizzata mill-Partit Nazzjonalista kontra l-iżvilupp tal-Università Amerikana fiż-żona barra l-iżvilupp fiż-Żonqor. Iżda issa, bir-riżenja ta’ Marlene Farrugia, il-Partit Laburista se jkun tilef il-vuċi ambjentali tiegħu?
“Nirrispetta d-deċiżjoni tagħha”
Għall-mistoqsijiet tal-ġurnal l-Illum, il-Ministru għall-Ambjent, Leo Brincat qalilna biss li hu jirrispetta d-deċiżjoni ta’ Marlene Farrugia, irringrazzjaha għall-ħidma tagħha u awguralha għall-futur.
“Il-Partit Laburista għad jiddispjaċih li tilef lil Marlene”
Il-Viċi Chairman tal-Alternattiva Demokratika, Carmel Cacopardo saħaq li l-Partit Laburista għad jiddispjaċih b’dak li ġara fil-Parlament iktar kmieni din il-ġimgħa. Semma kif Marlene Farrugia ħadet interess ambjentali iktar minn qatt qabel u insista li t-telfa tagħha se jħossuha żgur.
Mistoqsi jekk jaħsibx li bħala kandidata indipendenti, hix se tkun qed issemmi leħinha iktar, Cacopardo saħaq li ma jemminx li se tagħmel wisq differenza. “Nimmaġina li la hi konvinta minn dak li qed tgħid, mela mhux se żżomm lura”, temm jgħid Cacopardo.
“L-iktar vuċi ambjentali b’saħħitha fi ħdan il-Partit Laburista”
Astrid Vella, minn Flimkien Għal Ambjent Aħjar saħqet li Marlene Farrugia kienet, bla ebda dubju ta’ xejn, “l-iktar vuċi ambjentali b’saħħitha fi ħdan il-Partit Laburista.” Qalet li hi kienet tpoġġi l-ambjent u l-interessi tal-pubbliku qabel l-interessi politiċi tagħha u insistiet li bilfors li se tkun daqqa ta’ ħarta għall-vuċi ambjentali.
“Il-kwistjoni issa hija jekk Marlene hux se tingħata l-mezzi biex tkun effettiva,” kompliet tgħid Vella. Issa rridu naraw jekk il-Gvern hux se jkun qed iżomm kelmtu fi kwistjonijiet dwar l-ambjent,” temmet tgħid.
‘Marlene Farrugia kienet l-unika Deputata Laburista li ddefendiet l-ambjent’
Marthese Portelli, il-kelliema għall-Ambjent, Enerġija u Trasport tal-Partit Nazzjonalista sostniet li quddiem “id-deċiżjonijiet kundannabbli ta’ Joseph Muscat,” Marlene Farrugia kienet l-unika Deputata Laburista li ddefendiet l-ambjent. Hija semmiet kif f’intervista li tat dan l-aħħar, Farrugia wriet li hemm Deputati oħra li jinsabu mdejqa bit-tmexxija tal-Gvern.
Portelli awgurat biex dawk kollha li jaħsbuha bħal Marlene Farrugia, jieħdu eżempju u ma jibżgħux jitkellmu. “Li hu żgur hu li Muscat tradixxa lil kull min għandu għal qalbu l-ambjent ta’ pajjiżna, b’deċiżjonijiet li tefgħu l-ħarsien tal-ambjent lura fis-snin,” żiedet tgħid il-kelliema Nazzjonalista.
Tenniet li għall-Partit Nazzjonalista, l-ambjent huwa prijorità u appellat biex kull min għandu għal qalbu l-ambjent, isemma leħnu.
“Wieħed jittama li Joseph Muscat jieqaf iwebbes rasu u jħalli lil Marlene Farrugia, kif qed jgħidulu l-għaqdiet ambjentali, biex tmexxi l-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent u l-Ippjanar”, temmet tgħid Portelli.