Żidiet qawwijin fil-passiġġieri li użaw l-Ajruport ta' Malta f'Novembru

Żieda ta' 27,000 passiġġier, żieda ta' 9.4% fis-seat capacity u żieda qawwija fil-passiġġieri lejn u mit-Turkija

Iċ-ċifri tal-passiġġieri f’Novembru komplew isaħħu x-xejra pożittiva li kkaratterizzat il-prestazzjoni ġenerali ta’ din is-sena, b’żieda ta’ 10.6% mqabbel mal-istess perjodu ta’ sena ilu, ekwivalenti għal żieda ta 27,250 moviment ta’ passiġġieri.
Is-seat capacity kiber b’9.4%, dan fid-dawl ta’ żieda fil-frekwenza ta’ rotot, filwaqt li l-għadd ta’ postijiet okkupati fuq kull titjira żdied ukoll minn 80% għal 81.3%.
Is-CEO tal-MIA, Alan Borg saħaq li: “Ninsabu tassew kuntenti bit-tkabbir bla waqfien taċ-ċifri tal-passiġġieri ta’ din is-sena. Iż-żidiet kienu sinjifikanti u mifruxa sew, sinjal li t-tkabbir fit-traffiku huwa wieħed konsistenti u sostenibbli. Novembru kien xahar straordinarju għall-avvennimenti, fejn l-ajruport kien wieħed mill-istakeholders lokali li ħadem sabiex l-EU Africa Summit u iċ-CHOGM ikunu suċċess. Nixtieq nieħu l-opportunita’ biex nirringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom matul dawn iż-żewġ avvenimenti għall-kooperazzjoni u l-ħidma tagħhom.”
Varjazzjonijiet fit-Traffiku
L-aqwa ħames destinazzjonijiet matul l-aħħar xahar raw ċaqliqa ewlenija bit-Turkija tieħu post l-Iżvizzera wara li kisbet tkabbir impressjonanti ta’ 63.4% fin-numru ta’ passiġġieri. Dan seħħ minħabba ż-żieda fit-titjiriet lejn Istanbul. F’Novembru, tnejn mill-aqwa ħamest iswieq ta’ dan l-ajruport raw tnaqqis żgħir fit-traffiku; bi Franza u l-Ġermanja jonqsu b’3.6% u b’0.2% rispettivament. Is-swieq l-oħra kellhom prestazzjoni itjeb minn dik tal-istess perjodu tal-2014, bis-suq Taljan jikseb 18% aktar passiġġieri filwaqt li dak tar-Renju Unit jiżdied bi 1.9%. Dak Spanjol saħħaħ ukoll l-għadd ta’ traffiku b’aktar mid-doppju, riżultat ta’ titjiriet ġodda lejn u minn Barċellona din ix-xitwa.
F’Novembru, il-maximum take-off weight (MTOW) żdied bi 12.5%.
Merkanzija u Posta Matul l-aħħar xahar il-merkanzija u posta rat żieda li tleħħaq il-11.5%, u laħqet l-1,476 tunnellata.
Rendikont tas-sena Iċ-ċifri tat-traffiku ġenerali juru li ’l fuq minn 300,000 aktar vjaġġi bdew u waslu fi tmiemhom fl-ajruport tagħna din is-sena. Il-moviment ta’ passiġġieri żdied b’7.6%; il-moviment tal-ajruplani b’6.4%; dak tal-merkanzija u posta b’3.4%; filwaqt li s-seat capacity kiber b’5.6%.

More in Politika