Wara 13-il siegħa ta' dibattitu fil-Parlament li baqa' għaddej tul il-lejl mis-6.30pm, il-kamra kienet għadha ma laħqitx kbir u l-iSpeaker issospenda l-kamra fis-7.30 ta' dalgħodu.
Id-dibattitu fil-Parlament kien qed jiddiskuti l-mozzjoni tal-Gvern biex 13,334m kwadru ta' art f'Bormla u 31,000m kwadru ta' art fiż-Żonqor jingħataw b'ċens lil Sadeen Group għal 99 sena sabiex fuqga tkun tista' tinbena l-American University of Malta.
Fil-Parlament ma ntlaħaqx qbil meta l-Oppożizzjoni qalet l-AUM ma tistax tissejjaħ Università minħabba li bħala istituzzjoni, applikat biss għal titlu ta' 'edukazzjoni għolja' u mhux għal Università kif kien maħsub. Għal dan, il-Gvern qal li kienu qed jitħaltu l-kwistjonijiet, waqt li sostna li xogħol il-Parlament mhux li jagħti t-titli lil entitajiet. "Ir-riżoluzzjoni hi li tingħata l-art lil Sadeen Group. Aħna qed insegwu l-proċedura ġusta u legali," kompla jgħid il-Gvern.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li l-kuntratt tal-AUM jirreferi speċifikament għal Università, u mhux sempliċiment għal 'Istituzzjoni għal Edukazzjoni għolja', u għaldaqstant il-Membri Parlamentari "se jkunu qed jivvutaw dwar xi ħaġa illegali," kompla jgħid Busuttil. Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li l-AUM se tkun qed toffri korsijiet fil-livelli ta' Masters u PhD, u sostna li li tirċievi l-akkreditazzjoni biex tissejjaħ istituzzjoni għal edukazzjoni għolja huwa proċess intensiv sabiex jiġu żgurati l-istandards.
Intant, is-seduta reġgħet issoktat fid-9 ta' dalgħodu, u ttieħed vot, bi 33 vot favur u 27 vot kontra.