'Il-Frontex m'għandux jipprevali fuq il-kompetenzi nazzjonali' - Alfred Sant

Sant qal li l-UE irid ikollha aktar kontrolli effettivi fuq il-fruntieri esterni

Mhux aċċettabbli li Frontex ġdid ikollu l-poter jipprevali fuq kompetenzi nazzjonali. Dan qalu Alfred Sant fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu waqt id-diskussjoni dwar il-preparamenti tal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ewropa tas-17 u t-18 ta’ Diċembru 2015 li mistenni jiddiskuti, fost l-oħrajn il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-immigrazzjoni.

Sant qal li l-Unjoni Ewropea għandha bżonn politika effettiva dwar l-immigrazzjoni u l-ażil li tappoġġja s-sistema Schengen. ‘Huwa ċar li għad m'għandniex politika bħal din. Il-proposta ta’ Frontex b’saħħtu hija proposta maħluqa fi żmien ta’ kriżi. Il-mira tagħha huwa li tikkontrolla l-influssi tal-immigranti u r-refuġjati li f’dawn l-aħħar xhur saru inkontrollabbli.’

Sant qal li hija ovvja li l-Unjoni Ewropea għandha bżonn kontrolli aktar effettivi fuq il-fruntieri esterni tagħha. 

Imma l-ewwel ħaġa jeħtieġ li jkollna aktar għaqda fit-tfassil tal-politika tal-immigrazzjoni. Mhux biżżejjed li din il-politika tkun imżejna bi stqarrijiet sbieħ dwar is-solidarjetà u l-valuri Ewropej, filwaqt li ma jkunx hemm l-għodda biex politika bħal din titwettaq. Il-politika tal-immigrazzjoni ma tistax tkun imħaddma minn pajjiż tal-UE u mhux minn pajjiż membru ieħor. Dan joħloq aktar problemi u jkun impossibbli li l-istati li jmissu mal-fruntieri esterni tal-UE jerfgħu r-responsabilita` kollha. Dawn tal-aħħar inkella  ikollhom bżonn riżorsi finanzjarji addizzjonali, anki jekk it-tieni trattat ta’ Dublin ikun fis-seħħ.

Alfred Sant qal li kunċett aktar inaċċettabbli minn dan huwa li Frontex ġdid ikollu l-poter jidħol fil-kompetenzi nazzjonali. Ħafna stati li qegħdin imissu mal-Fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea huma żgħar u għandhom riżorsi limitati. Dak li qed ikun propost, sakemm ma jinbidilx ħafna, jfisser li s-sovranita’ ta’ dawn l-istati qed tinxtorob, la m’hemmx miżuri trasparenti oħra li jiżguraw li l-piżijiet tal-immigrazzjoni qed ikunu kkontrollati u maqsuma bejn il-pajjiżi kollha tal-UE b’mod xieraq.

More in Politika