Is-sitt membri tal-Parlament Ewropew Maltin, qablu bejniethom u flimkien mal-membri parlamentari Ċiprijotti, ivvutaw kontra rapport imressaq fil-Parlament Ewropew li jipproponi miżuri li jwasslu għal sistema ta' tassazzjoni ugwali fost il-pajjiżi kollha tal-UE.
Minkejja dan, ir-rapport għadda fil-Parlament Ewropew b’500 MEP jivvutaw favur, 122 kontra u 81 astensjoni.
F’dikjarazzjoni, il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, Alfred Sant spjega għala kien se jivvota kontra dan ir-rapport, u qal li l-kompetizzjoni fit-taxxa għandha tibqa’ responsabbiltà tal-gvernijiet nazzjonali tal-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea.
Sant kompla jgħid li kien jaqbel mal-proposti fir-rapport li jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar it-titjib fit-trasparenza dwar il-miżuri fit-taxxi fil-pajjiżi tal-UE. "Nappoġġja dawn il-miżuri biex ikun hemm trasparenza fil-politika nazzjonali tal-pajjiżi msieħba."
Minkejja dan, Sant qal li r-rapport qed jissuġġerixxi miżuri li jwasslu għall-armonizzazzjoni fit-taxxi bejn il-pajjiżi kollha tal-UE, li "jmur kontra l-interessi tal-ekonomiji ż-żgħar tal-Unjoni Ewropea li m’għandhomx l-istess vantaġġi li għandhom il-pajjiżi l-kbar. Il-pajjiżi ż-żgħar diġà huma mxekkla mill-flessibilità li tant jeħtieġu. L-ekonomiji ż-żgħar tal-UE diġà huma marbuta bil-konverġenza tar-rati tal-VAT, ir-regoli ta’ ‘State Aid’, il-munita waħda, ir-regoli tas-‘six pack/two pack li jkollhom jiġu applikati għall-Baġits tagħhom."
Sant kompla jgħid li konsegwenza ta’ dan, kibru d-diverġenzi strutturali fl-Unjoni Ewropea, minflok naqsu. ‘Jekk issa se nnaqsu l-flessibilità fit-taxxa tal-ekonomiji ż-żgħar, se nkomplu nżidu dawn id-differenzi. Dan huwa inġust, ma jiffunzjonax u mhux aċċettabbli. Għalhekk qed niddikjara li se nivvota kontra dan ir-rapport," temm jgħid l-MEP.