Il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni qalet li ma nstab l-ebda forma ta’ ghaġir illegali fil-mod kif is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Ian Borg akkwista l-propjetà f’żona fir-Rabat magħrufa bħala Santa Katarina.
Il-Kummissjoni, immexxija mill-eks Imħallef Lawrence Quintano qalet li “m’hemmx provi ċari ta’ reat jew attentat biex isir reat”.
Ir-rapport finali tal-Kummissjoni se jkun qed jiġi ppreżentat quddiem il-Parlament wara l-vaganzi tal-Milied.
F’konferenza tal-ahbarijiet, Borg qal li x-xhieda kollha li dehret quddiem l-uffiċjali tal-MEPA ċaħdet li kien hemm xi influwenza min-naħa tal-Membru Parlamentari.
Borg qal li l-MEPA lanqas biss kienet infurmata li kien hu li ressaq l-applikazzjoni u kienet il-midja li żvelat din l-istorja. Huwa għamel referenza dak li ħareġ fir-rapport tal-Ombudsman u għall-fatt li l-applikazzjoni ħarġet fuq isem missieru.
F’reazzjoni, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru qed juża l-ġimgħat tal-Milied, waqt li kulħadd aljenat, biex “jfarfar mir-responsabilità li jkeċċi lis-Segretarju Parlamentari.”