Temi Ewropej fuq l-aġenda bejn Malta u l-iSlovakkja
More in Politika
Id-Deputat Prim Ministru Louis Grech u s-Segretarju tal-Istat Slovakk Ivan Korčok illum iddiskutew it-temi li qed jaħdmu fuqhom għall-Presidenzi tal-Unjoni Ewropea rispettivi tagħhom, partikularment dawk l-oqsma li jaħsbu li se jkunu importanti għall-futur tal-UE u biex iċ-ċittadini Ewropej jerġgħu jiksbu fiduċja fl-Unjoni u jagħrfu fiha l-aspirazzjonijiet tagħhom.
Dan sar waqt żjara li Mr Korčok kellu fl-Auberge d’Aragon, fejn iltaqa’ mad-Deputat Prim Ministru Louis Grech u mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u l-Presidenza UE 2017 Ian Borg.
Id-Deputat Prim Ministru semma l-oqsma tas-Suq Wieħed, l-Aġenda Diġitali, l-Unjoni tal-Enerġija, l-Unjoni Kapitali u l-Aspett Soċjali tas-Suq Intern bħala suġġetti li Malta trid tara progress fihom. Mr Korčok qal li s-Slovakkja għandha interess qawwi fihom ukoll, kif ukoll fil-Multi-Annual Financial Framework li huwa fundamentali biex l-Unjoni tmexxi ’l quddiem il-politika tagħha.
Is-sur Grech qal li, waqt li Malta taqbel li l-Ewrozona jrid ikollha strumenti aħjar biex ikun hemm għaqda monetarja u fiskali tajba, hija ma tridx li jkun hemm armonizzazzjoni fiskali, għalkemm taqbel li jkun hemm trasparenza akbar fit-tassazzjoni u fil-ħlas ta’ taxxi minn kumpaniji. Malta ma tistax taqbel ma’ proposti li jolqtu ħażin setturi ekonomiċi li huma fundamentali għal ekonomija Maltija b’saħħitha. Is-Slovakkja, min-naħa tagħha, hija tal-fehma li, aktar minn proġetti grandjużi, l-Unjoni għandha tagħmel passi aktar realistiċi u li jkollhom l-appoġġ ta’ kulħadd.
Kien hemm bdil ta’ fehmiet fit-tul fuq il-problema tal-migrazzjoni u s-sigurtà, li ċ-ċittadini Ewropej iqisuhom marbutin ma’ xulxin. Iż-żewġ naħat qablu li s’issa ma jidhirx li l-ftehim tal-UE mat-Turkija qiegħed jagħti r-riżultati mistennija, għalkemm dan għadu fil-bidu tiegħu, u li l-pjan Ewropej għandu jitwettaq b’pass aktar mgħaġġel. Is-Slovakkja qed tinsisti fuq il-ħolqien u deployment tal-European Border and Coast Guard.Is-sur Grech u Mr Korčok esprimew it-tħassib tagħhom dwar l-effetti negattivi li l-immigrazzjoni irregolari qed tħalli fuq l-UE u l-popli tagħha, u kif din tista’ twassal għal estremiżmu u thedded saħansitra l-futur taż-żona Schengen.
Iż-żewġ ministri tkellmu wkoll dwar il-proposti tar-Renju Unit fuq ċerti tibdiliet li jrid biex dan jibqa’ membru tal-UE. Il-pożizzjoni komuni ta’ Malta u tas-Slovakkja hi li l-Unjoni għandha tkun flessibbli biex tgħin lir-Renju Unit jibqa’ membru, fl-istess waqt li ma ċċedix kisbiet importanti li għamlet matul is-snin, bħall-moviment ħieles.
Il-laqgħa serviet ukoll biex Malta u s-Slovakkja jinfurmaw lil xulxin fuq it-tħejjijiet għall-Presidenza, partikularment il-metodi li se jużaw biex imexxu l-programmi tal-UE lejn konklużjoni jew biex isir l-akbar progress possibbli fihom waqt il-Presidenzi rispettivi.