Grazzi għall-fiduċja tan-nies dawwarna l-Enemalta minn kumpanija f'xifer il-falliment għal waħda li hija b'saħħitha li tagħmel l-ewwel investiment internazzjonali fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli. Se nkunu qegħdin naħdmu bl-istess enerġija fl-Air Malta biex inġibu riżultati pożittivi.
Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat meta flimkien mal-Ministru għas-Saħħa u Enerġija Konrad Mizzi llum żaru l-muntanja ta’ Mozura fejn se jsir investiment ta’ enerġija rinnovabbli.L-investiment se jsir bi sħab bejn l-Enemalta u Shanghai Electric Power, flimkien ma’ Envision Energy u Vestigo.Il-Prim Ministru qal li l-qliegħ minn dan il-proġett se jmur biex l-Enemalta jkollha aktar fondi biex tkompli tinvesti anki f'pajjiżna, fost l-oħrajn fil-qasam tad-distribuzzjoni tal-elettriku, wara snin sħaħ li fihom ma sarx investiment.
Il-proġett tal-Wind Farms fil-Montenegro se jkun jikkonsisti fi 23 turbina ta’ 2 megawatt kull waħda għal kapaċità ta’ 46MW li għandha tiġġenera 100GW Hour fis-sena. Dan il-proġett se jkun qed jikkontribwixxi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 fil-Montenegro. Dan il-proġett se jikkontribwixxi għall-ġenerazzjoni ta’ 3% tal-enerġija tal-Montenegro.
Envision Energy hija kumpanija Ċiniża li tipproduċi turbini tar-riħ b’uffiċini reġjonali fl-Ewropa, l-Istati Uniti u fl-Ażja b’ċentru ta’ innovazzjoni dwar enerġija rinnovabbli fid-Danimarka. Hija l-ewwel kumpanija fl-industrija li qed tiżviluppa ‘smart turbine’ b’teknoloġija mill-aktar avvanzata li tiżgura li tkun qed taħdem f’kundizzjonijiet biex tiġġenera l-massimu tal-enerġija. Envision tgħaqqad it-teknoloġija ‘smart turbine’ ma’ ‘cloud computing’ biex timmassimizza l-ġenerazzjoni tal-enerġija. Vestigo huwa fond ta’ investiment bi speċjalizzazzjoni fil-Balkani.
Il-proġett mistenni jitlesta lejn l-aħħar tal-2017 u bidu tal-2018.