Jibdew il-laqgħat mal-ħaddiema tal-Airmalta

Id-deċiżjoni dwar il-bejgħ ta' parti mill-Airmalta lill-Etihad issa jidher imminenti

Illum ġiet organizzata l-ewwel laqgħa minn sensiela ta’ laqgħat bejn rappreżentanti tal-ħaddiema tal-linja nazzjonali tal-ajru u l-kumitat inkarigat mill-Gvern biex imexxi t-taħditiet mal-ħaddiema dwar it-triq ’il quddiem għall-Air Malta. L-għan ta’ dawn il-laqgħat huwa li jiġi diskuss il-mudell li fuqu se titwettaq il-bidla pożittiva fid-direzzjoni tal-linja nazzjonali lejn sitwazzjoni aħjar u iktar professjonali. Il-messaġġ li qed jitwassal huwa li l-Gvern jemmen bi sħiħ li l-Air Malta għandha potenzjal kbir li tissaħħaħ u toffri opportunitajiet ġodda għal pajjiżna.

Il-kumitat huwa kompost miċ-Chairperson tal-Air Malta, Maria Micallef u l-President Emeritus Dr George Abela bħala co-chairpersons, il-Kap Eżekuttiv tal-Airmalta, is-Sur Philip Micallef, il-Kap Uffiċjal tar-Riżorsi Umani tal-Airmalta, is-Sur Roberto Cristiano u l-Konsulent tal-Ministeru għat-Turiżmu, is-Sur George Micallef.

F’kummenti fil-bidu tal-laqgħa, il-Ministru Edward Zammit Lewis saħaq fuq l-importanza ta’ dawn il-laqgħat u esprima konvinzjoni li l-partijiet kollha ser jidħlu għalihom bi spirtu pożittiv biex fi żmien raġonevoli jkunu kjarifikati diversi temi b’rabta mal-ftehim eventwali ma’ sieħeb strateġiku għal-linja nazzjonali tal-ajru, li jassigura post aktar sinifikanti għall-Air Malta fl-industrija dinjija.

Il-Ministru Zammit Lewis enfasizza li d-deċiżjonijiet favur kumpanija aktar kompetittiva se jkunu bbażati fuq diskussjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, fosthom dwar il-ftehimiet kollettivi, fejn il-Gvern qed jaħdem biex jiggarantixxi xogħol u kundizzjonijiet xierqa għall-ħaddiema kollha.

Iċ-Chairperson tal-Air Malta, Maria Micallef qalet li l-irwol tal-kumpanija mhuwiex biss bħala linja tal-ajru, iżda wkoll bħala ass strateġiku għat-turiżmu tal-pajjiż li huwa pilastru ewlieni tal-ekonomija tagħna. Għalhekk li t-tisħiħ tal-qagħda tal-kumpanija, u ħarsa lejn il-futur b’mod strateġiku, huwa responsabbiltà akbar fuq kulħadd.

Wara li llum il-kumitat laqqa’ flimkien rappreżentanti tal-erba’ trejdunjins, kif ukoll rappreżentanti tal-ħaddiema li mhumiex parti minn unjin, minn issa ’l quddiem il-kumitat ser ikun qed jiltaqa’ mal-unjins u mar-rapprezentanti tal-ħaddiema, anke b’mod individwali, sabiex il-laqgħat jiffukaw fuq il-kwistjonijiet partikolari tal-unjins rispettivi.

 

 

More in Politika