Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija kkundanna dak li sejjaħ "l-ingann tal-Prim Ministru Joseph Muscat li qed jigdeb lill-anzjani ta’ pajjiżna biex mingħalih jiskorja xi punti politiċi. Hija gidba mill-bidu sal-aħħar li l-pensjonijiet tal-anzjani tagħna qed jiżdiedu għall-ewwel darba." Il-Partit Nazzjonalista jfakkar ukoll li fil-leġiżlatura li għaddiet, il-Gvern Nazzjonalista għolla wkoll ż-żieda ta’ kull anzjan u anzjana biż-żieda tal-għoli tal-ħajja sħiħa, nkluż għal dawk li jirċievu l-pensjoni minima.
Jekk hemm partit politiku f’Malta u Għawdex li verament ħadem biex l-anzjani jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar hu l-Partit Nazzjonalista, li minbarra żidiet fil-pensjoni, nieda skemi li jinċentivaw l-anzjani jibqgħu fid-dinja tax-xogħol. Tant hu hekk li bis-saħħa ta’ dawn l-iskemi, llum, eluf ta’ anzjani jibqgħu jaħdmu wara l-età tal-pensjoni mingħajr ma jitilfu xejn mill-pensjoni. Gvern Nazzjonalista ta wkoll l-għotja ta’ €300 lill-anzjani li jibqgħu jgħixu fi djarhom bla ma dan il-Gvern żied dan l-ammont.
Minn naħa l-oħra, Muscat jiddiskrimina mal-anzjani. Tant hu hekk li l-ħafna ftaħir ta’ żidiet fil-pensjoni mhux se jgawdu minnhom l-anzjani kollha ta’ pajjiżna. Huma l-minoranza biss li se jaraw din iż-żieda, filwaqt li aktar minn 75,000 pensjonant se jibqgħu b’xejn.
Muscat mhux veru jrid li l-anzjani ta’ pajjiżna jkollhom kwalita’ ta’ ħajja aħjar. Muscat jagħmel sinjur lil min irid hu, filwaqt li l-ħaddieħor iħallih għal riħu. Konferma ta’ dan toħroġ miż-żieda ta’ 2,500 fin-numru ta’ anzjani li jinsabu fir-riskju tal-faqar f’pajjiżna.
L-anzjani tagħna wkoll spiċċaw vittma tal-politika ta’ ingann ta’ Joseph Muscat. Filwaqt li Muscat jigdbilhom, huma qed ikollhom iħallsu għall-korruzzjoni ta’ dan il-Gvern.