Il-barriera f'Wied Għomor - dehra li tkerraħ ix-xena għar-residenti ta' San Ġwann, il-Mensija u l-Madliena. Jidher iżda li s-sidien ta' din il-barriera għandhom pjanijiet sabiex tinstab soluzzjoni għaliha.
Skont pjanijiet mibgħuta lill-Awtorità Maltija għall-Ippjanar u għall-Ambjent (MEPA), din iż-żona qed tiġi kkunsidrata għall-bini ta' dar tal-anzjani b'133 kamra. Dan il-proġett ikun jokkupa 8% tal-barriera, b'żewġ sulari 'l fuq mill-ħofra ta' din l-istess barriera.
Il-bqija taż-żona tiġi żviluppata fi ġnien pubbliku u belvedere.
Fl-2011 il-bord tal-MEPA kkonkluda li kull żvilupp fuq dan is-sit ma jistax jokkupa aktar minn 5% tal-barriera. Il-pjan lokali jistipula li l-bini l-ġdid jrid "jokkupa parti minima ta' dan is-sit".
L-iżviluppaturi qed jargumentaw li l-art li fuqha jista' jiżviluppa hija "estremament importanti għall-vijabilità tar-rijabilitazzjoni tal-wied."
Huma sostnew li jridu jipprovdu "kumpless għall-irtirar ta' kwalità għolja", għal individwi dipendenti u indipendenti, kif ukoll faċilitajiet oħra ta' neċessità għal kumpless tal-irtirar, bħalma huwa gym, restorant, sala u parking area.