Il-PN: Il-Ministru Bonnici jeħtieġ imur quddiem il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja

L-oppożizzjoni takkuża lil Bonnici li qed jirredikola l-proposti fir-riforma Bonello 

Jason Azzopardi waqt konferenza tal-aġbarijiet
Jason Azzopardi waqt konferenza tal-aġbarijiet

Fid-dawl tad-dikjarazzjoni tad-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta l-Professur Kevin Aquilina, li kien jifforma parti mill-Kummissjoni Bonello, li qal li l-Ministru Owen Bonnici għandu jieħu l-każ tal-Avukat Caroline Farrugia Frendo quddiem il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, l-Ministru Owen Bonnici ma baqalu ebda għażla oħra ħlief li jagħmel dan. 

Dan qalu x-Shadow Minister tal-Ġustizzja, d-Demokrazija u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Jason Azzopardi waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Ministeru tal-Ġustizzja, l-Belt Valletta. Jason Azzopardi fakkar li anke lbieraħ, kien hemm membri tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja li qalu li biex jitneħħew id-dubji dwar l-eliġibilità ta’ Caroline Farrugia Frendo biex tinħatar Maġistrat, il-Ministru għandu jressaq dan il-każ quddiem l-istess Kummissjoni. “Ilbieraħ, iżda, Owen Bonnici qal li mhux se jressaq dan il-każ quddiem il-Kummissjoni għaliex l-esperti legali li tkellmu ma’ The Times kienu anonimi. Illum, l-istess dikjarazzjoni saret mid-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta’ Malta,” qal Jason Azzopardi.

Jason Azzopardi sostna li anke l-eks Imħallef fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Giovanni Bonello hu tal-istess fehma, tant li lbieraħ, waqt il-programm Reporter fuq l-istazzjon nazzjonali, qal li “sakemm jiġu ċċarati d-diffikultajiet li tqajjmu fuq il-validità tan-nomina tagħha, ma jkunx għaqli li l-Gvern jibqa’ għaddej bin-nomina. Il-Gvern jista’ jibqa’ għaddej, pero’, jekk eventwalment, xi ħadd jikkontesta fil-Qrati li dik in-nomina hija falza u żbaljata, imbagħad ikollna pożizzjoni fejn Maġistrat li tkun diġà qed taħdem bħala Maġistrat, iżda x-xogħol tagħha jkun dikjarat li huwa l-kontra l-Kostituzzjoni.”

Ix-Shadow Minister tal-Ġustizzja ddeskriva l-ebusija tar-ras tal-Ministru Owen Bonnici bħala arroganza. Dan għaliex meta kulħadd qed jgħidlu biex jieħu l-każ tal-Avukat Caroline Farrugia Frendo quddiem il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, Owen Bonnici qed jibqa’ jinsisti li jagħmel ta’ rasu. 

Hu fakkar kemm kien importanti li l-każ tal-Avukat Ingrid Zammit Young mar quddiem il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. Dan peress li kienet il-Kummissjoni li waqqfet il-ħatra tagħha bħala Maġistrat għax kienet qed tikser il-Kostituzzjoni ta’ Malta. “X’qed iżomm lil Owen Bonnici milli jieħu l-każ ta’ Caroline Farrugia Frendo quddiem il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja? La, skont hu, ma hemm xejn ħażin, għalfejn qed iwebbes rasu?” staqsa Jason Azzopardi.

Jason Azzopardi sostna li hu fl-interess tal-Avukat Farrugia Frendo, tal-ġustizzja u ta’ kulħadd li, fid-dawl tad-dubji dwar l-eliġibilità tal-Avukat Farrugia Frendo, l-ħatra tagħha bħala Maġistrat tkun approvata wkoll mill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. “L-appell tal-Partit Nazzjonalista huwa għas-sens komun, biex ikun assigurat li ma tinkisirx il-Kostituzzjoni ta’ Malta, f’ġieħ is-sewwa u l-ġustizzja,” qal Jason Azzopardi, li sostna li l-Partit Nazzjonalista jintrabat ma’ kull deċiżjoni li tista’ tagħti l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.

Minn naħa tiegħu, l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Aaron Micallef sfida lill-Gvern biex jgħaddi għad-dibattitu dwar l-abbozz ta’ liġi mressaq mill-Oppożizzjoni li għandu jwassal għal bidla radikali fil-ħatriet tal-ġudikatura b’mod immedjat. “Il-Partit Nazzjonalista għamel fi tliet ijiem dak li Joseph Muscat u Owen Bonnici m’għamlux fi tliet snin,” qal Aaron Micallef. Hu fakkar li r-rapport tal-Kummissjoni Bonello ilu fuq l-iskrivanija tal-Ministru Owen Bonnici 28 xahar, minn Novembru 2013, iżda l-Ministru Owen Bonnici għażel li jinjorah u ma jimplimentahx.

Hu sostna li kuntrarjament għal dak li qed jallega l-Gvern, il-Private Member’s Bill tal-Oppożizzjoni tinkorpora flimkien il-proposti tal-Kummissjoni Bonello u tal-Kamra tal-Avukati, li jfisser li meta Owen Bonnici jgħid li qed jieħu dan l-abbozz ta’ liġi “with a pinch of salt”, ifisser li qed iwaqqa’ għar-redikolu l-proposti tal-Kummissjoni Bonello u tal-Kamra tal-Avukati. 

Aaron Micallef sostna li l-Gvern għandu b’mod immedjat, jirtira kull ħatra fil-ġudikatura u ma jagħmel ebda waħda qabel ma jgħaddi l-abbozz ta’ liġi li fih bidla radikali fil-mod kif jinħatru l-membri tal-ġudikatura.

More in Politika