L-isfidi ta' Konrad fil-Labour
Il-bilanċ delikat li jrid isib Konrad Mizzi
minn Albert Gauci Cunningham
Din il-ġimgħa, Konrad Mizzi sar deputat mexxej tal-Partit Laburista. Kien elett f’din il-pożizzjoni taħt dell ta’ dubji dwar ‘trust’ tal-familja f’New Zealand u kumpanija fil-Panama. Fil-fatt kien hemm xi ftit ta’ surrealtá hekk kif fl-istess ħin li f’Mile End, il-Ħamrun, it-tamiet kienu għoljin u l-attenzjoni kienet fuq l-elezzjoni interna, fil-maġġoranza tad-djar tal-midja u fuq il-portals, l-attenzjoni kienet dwar it-trusts u l-Panama.
Imma x’se tkun il-miżura aħħarija u deċiżiva ta’ suċċess għal Konrad Mizzi, bħala Deputat Mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista? X’se jiddetermina jekk Mizzi jkunx id-Deputat Mexxej effettiv li ħafna Laburisti qed jittamaw li jkun? ILLUM se tagħti ħarsa fil-qasir lejn dawk l-ispazji kollha li Mizzi se jkollu jimla jekk irid li l-Partit Laburista idawwar ix-xejra ’l isfel fil-popolaritá li qabad il-PL.
Emoraġija ta’ Laburisti
Iddejqu kemm tista’ iddejqu, jibqa’ fatt li l-Partit Laburista bħalissa qed jiffaċċja l-akbar emoraġija ta’ attivisti Laburisti fi snin twal. Parti minn dan huwa riżultat tal-fatt li issa l-partit jinsab fil-Gvern u allura mill-kliem tal-passat qed jgħaddi, jew jeħtieġ jgħaddi, għall-fatti.
Jibqa’ fatt iżda, fatt ippruvat mill-istħarriġ tal-MaltaToday, mill-kummenti ta’ persuni midħla tal-partit u anke mis-sentiment fit-triq, li hemm settur kbir mhux ħażin ta’ Laburisti li huma diżullużi bil-partit tagħhom stess. Bħalissa, dawn jilħqu l-10% tal-votanti tradizzjonali Laburisti, li jfisser eluf ta’ voti.
Il-pressjoni li hemm fuq il-Partit Laburista jidher li huwa pjuttost kbir. Pressjoni biex inġustizzji jkunu rimedjati. Naturalment, li tirranġa inġustizzja mhix faċli. Trid tipprova li kienet inġustizzja, u wara, u forsi l-akbar diffikultá għal kull Gvern, li tirrimedja. Ir-rabja popolari fost dan is-settur ta’ votanti jista’ jindika li parti minnu kellu l-impressjoni, jew għax ingħatatlu jew għax hekk immaġina, li bi Gvern Laburista ġdid dawn l-inġustizzji se jkunu rranġati. Dawk li għadhom b’xiber imnieħer bħalissa qed jaħilfu li ma jivvutawx.
Mizzi se jkollu l-isfida li jirrikonċilja l-għajta u d-domanda għall-ġustizzja ta’ dawk li huma ġenwini mal-għajta Laburista ta’ ‘Malta Tagħna Lkoll’.
Se jkollu jidħol jew ikollu nies li jidħlu għalih f’każi li ġew magħluqin mhux għax ma saritx inġustizzja, imma għax il-każ ġie preskritt. Dawn in-nies, bir-raġun, qed jistaqsu x’differenza għamel il-partit fuq livell personali għalihom.
Mizzi se jkollu jiffaċċja l-irresponsabilitá xejn ġdida ta’ politiċi li wegħdu l-ilma jiżfen lil xi wħud, biex issa dawn l-uħud qed jiġu injorati.
Fejn hu l-wens li suppost joffri s-soċjaliżmu?
X’fiha ħażin li l-Gvern preżenti huwa qrib tan-negozju? X’fiha ħażin li dan il-Gvern qed iħalli ħafna f’idejn il-privat u qiegħed kemm jista’ jkun iżomm ’il bogħod minn politika fejn il-politiku jintervjeni?
Xejn f’għajnejn il-ħafna, imma ħafna ħażin f’għajnejn eluf oħrajn. Il-fatt jibqa’ li fejn għandek setturi ta’ nies li jinsabu fil-qiegħ tal-istrata soċjali, fejn għandek il-faqar, anke jekk relattiv u fejn għandek nies li kif ngħidu “jaqilgħuha u jiekluha” jista’ jkollok element ta’ ħsieb li l-Gvern għandu jwieżen.
Għal dawk li bil-pagi tagħhom ma jistgħux jixtru proprjetá għax il-proprjetá qed togħla. Għal dawk li lanqas jikru ma jistgħu, għax il-kirjiet splodew, is-saħħa tas-suq tal-proprjetá ftit jimpurtahom minnu. Iva, huwa tajjeb li l-bejgħ żdied, huwa tajjeb li mijiet ta’ barranin qed jikru appartamenti f’pajjiżna, imma mingħajr il-wens u l-għajnuna tal-Gvern dawk li lanqas jikru ma jistgħu se jkomplu jiżdiedu.
Dan il-fatt huwa kkorraborat mill-kummenti li Deputati Laburisti stess għaddew mal-ILLUM il-Ħadd li għadda fejn qalu li l-‘housing’ u l-ilmenti dwaru huma problema bħalissa.
Il-Partit Laburista qed jaqa’ f’nasba kerha li jeċita ruħu dwar il-figuri u l-persentaġġi u jinsa li ċifra tgħid nofs veritá’
Mizzi jeħtieġ li juża l-partit biex jagħmel pressjoni fuq il-Gvern u proġetti relatati mal-‘housing’, li wara kollox kienu mħabbrin għax il-Gvern jaf li hawn barra hawn ħafna nies li jeħtieġu l-wens, jibdew. Il-paroli ma jagħtix wens. In-nies iridu l-fatti.
Lingwaġġ taċ-ċifri huwa ’l bogħod min-nies
Is-suq isuq. Imma l-Partit Laburista jidher li f’dawn it-tliet snin, jekk mhux abdika, nesa’ li parti mill-fundament ideoloġiku tiegħu huwa li jgħin li min ma jiflaħx isuq.
Il-Partit Laburista qed jaqa’ f’nasba kerha li jeċita ruħu dwar il-figuri u l-persentaġġi u jinsa li ċifra tgħid nofs veritá biss. Min qed jaħdem fit-turiżmu qed iħossu r-rekord fuq ir-rekord? Il-fattur ta’ barranin li qed jitħaddmu f’dan is-settur b’pagi baxxi qed isir xi ħaġa dwaru? Meta persuni fil-Partit Laburista jiftaħru biż-żieda fil-konsum privat, qed jinsew li hemm min qed jismagħhom u li baqa’ fejn kien jew mar għall-agħar? Jew qbadna ż-żieda tal-miljunarji u poġġejniehom ma’ tal-foqra u dawk tal-klassi tan-nofs?
Huwa pożittiv li l-partit, illum fil-gvern, jiftaħar dwar kemm hu favur in-negozju. Imma sar favur in-negozju fl-estrem negattiv li jħares biss lejn il-bottom line? Iħares biss lejn il-kontijiet ta’ negozju u kemm dan se jagħmel profitt? Il-Partit Laburista fil-Gvern m’għandux l-irwol ukoll li jara li kull min huwa impjegat, minflok jingħafas u jingħasar, qed jingħata biċċa mis-suċċess? Inkella x’partit Laburista hu dan? Jekk se jħares u jibqa’ jħares biss lejn il-profitt u jeħodha for granted li dak il-profitt se jitgawda minn kulħadd, mela allura mhux qed jaqdi dmiru ta’ partit soċjalista, lejn l-għeruq soċjalisti tiegħu.
Mizzi dan jeħtieġ ibiddlu. Mizzi jeħtieġ ibiddel din l-idea perċeputa, sforz fatt jew le, li għal-Labour jgħodd biss il-profit and loss account.
Il-mezzi tax-xandir tal-partit Laburista
Mizzi jeħtieġ ibiddel il-lingwaġġ tal-partit u tal-midja tal-partit. Jeħtieġ li jaħdem biex min qed jisma’ l-messaġġ tal-partit, jisma’ realtajiet. Realtajiet ta’ suċċess, mela le, u oħrajn li għadhom mhux ta’ suċċess. Imma mhux ċifri. In-numri jfissru ftit. In-numri importanti, imma qegħdin hemm fuq fl-arja, il-poplu qiegħed hawn, fit-triq.
Mizzi jeħtieġ jerġa’ jdawwar il-midja Laburista f’megaphone tal-poplu. Mhux biss tal-Laburisti, iżda tan-nies. Irid idawwar il-midja, li bħalissa hija nofsha mejta, f’waħda li titkellem l-istess lingwaġġ tan-nies. Jeħtieġ li jbiddel il-prevedibbli u s-soltu kantaliena stunata ta’ “il-gvern preċedenti,” għal enerġija ġdida ta’ partit tan-nies.
Assoċjat wisq ma’ opportunisti?
Lil hinn mill-ideoloġija hemm din l-idea li l-Partit Laburista qed jagħti xi status speċjali lil dawk li pubblikament qalu li se jivvutaw lill-Partit Laburista għall-ewwel darba fl-aħħar elezzjoni.
Tajjeb li Mizzi jiftakar li min ivvota lill-Partit Laburista għall-ewwel darba u kien onest, għamilha għax ħass li hekk kien hemm bżonn isir, mhux għax kien hemm premju oħxon jistennieh.
Ċerti ħatriet u l-fatt li l-Gvern appoġġjahom, tant darrset, li kienet imsaħħa l-perċezzjoni li l-partit jixtri lil min hu opportunist u jbigħ lil min hu ġenwin, speċjalment jekk taħsel tkun Laburist tal-partit.
Bosta switchers mhumiex impressjonati imma għadhom wisq beżgħana mill-Partit Nazzjonalista, biex jerġgħu jivvutawlu. U l-PL iħossu komdu b’dan? Komdu li tliet snin wara li kien elett, diġa sar l-għażla by default?
Jekk dan hux veru jew le, ma nistgħux ngħidu fiċ-ċert. Probabbilment mhux il-każ. Imma l-perċezzjoni li dan huwa l-każ tant hija qawwija, li Mizzi ma jistax jinjoraha. Jeħtieġ jaħdem biex inissel sens ta’ appartenenza mill-ġdid fil-Partit Laburista.
Jirrestawra l-Moviment
Il-moviment li ngħaqad mal-Partit Laburista għall-aħħar snin qabel l-elezzjoni tal-2013 kien wieħed formidabbli u b’saħħtu. Iżda dik il-fortizza illum bdiet titlef il-pedamenti tagħha. Għaliex?
Għax dak li kien jgħaqqad lil tant eluf kbar ta’ nies, illum qed jgħaqqad ħafna inqas.
Wara l-elezzjoni, ma baqgħetx l-idea ta’ moviment, imma kulħadd ħaseb għal rasu, għax imbagħad it-tir tal-bidla kien intlaħaq. Bħalissa l-unika kolonna ta’ dak li kien jissejjaħ moviment huwa Joseph Muscat. Jinżel hu u jisparixxi dan il-moviment.
Konrad Mizzi jeħtieġ jerġa’ jfittex fatturi oħrajn, lil hinn mis-sempliċi kult tal-personalitá. Se jkollu jfittex dawk il-policies u dawk l-għajtiet li se jwasslu biex titqajjem enerġija ġdida fost dawk li tilfuha.
Il-veritá hija li bosta switchers għadhom wisq beżgħana mill-Partit Nazzjonalista, biex jerġgħu jivvutawlu. U l-PL iħossu komdu b’dan? Komdu li tliet snin wara li kien elett, diġá sar l-għażla by default?