M’intomx se tikkonvertuna
minn Alex Caruana
Ma nistax ma nesprimix il-perplessitá tiegħi jien u naqra l-position paper maħruġa mill-Knisja dwar il-Bill on Conversion Therapy. L-arroganza li ntużat, kemm biex tiġġustifika l-conversion therapy fuq nies LGBTIQ u kemm meta tasal tgħid li persuni eterosesswali hemm ċans li jigu ddiskriminati minn din il-liġi, hija xi ħaġa inkredibbli.
Nixtieq ngħid lil dawk is-seba’ persuni li kitbu l-position paper f’isem il-Knisja - is-salvaturi tal-eterosesswali mill-ħakma kkulurita tal-omosesswali - li l-vera diskriminazjoni qiegħda fuqna, in-nies LGBTIQ. Id-diskriminazjoni tibda minn mindu tkun għadek żgħir. Is-soċjetá dderrik u tiddettalek kif għandek taġixxi u lil min għandek tħobb. Minn etá żgħira nkunu bbumbardjati b’immaġini ta’ żewġ persuni tas-sess oppost, daħkana, maħbubin u ferħanin. L-ebda tip ta’ viżibbiltá għal min ma jaqax taħt dan il-mudell - dawk li jkunu daħkana, iħobbu u jkunu ferħanin ma’ persuna tal-istess sess tagħhom. Meta tibda tikber, tibda tħossok differenti u żbaljat, tibża’ minn dak li tħoss ġewwa fik, tibża’ li għandek xi ħaġa ħażina, tibża’ li fid-dinja m’hawnx nies oħra bħalek. Din il-biża’ tiġi minħabba nies bħal dawn li kitbu l-position paper - nies li minflok jagħmluha faċli għal nies bħalna jegħlbu dawn id-diffikultajiet maħluqa mis-soċjetá, minflok jiddefendu terapija li sa waslet lil nies biex jikkomettu suwiċidju.
Tibża’ minn dak li tħoss ġewwa fik, tibża’ li għandek xi ħaġa ħażina, tibża’ li fid-dinja m’hawnx nies oħra bħalek
L-inviżibbiltá tagħmlek vulnerabbli, dgħajjef, ineżistenti. Din hija l-vera problema li rridu niġġieldu. M’għandniex bżonn terapiji li jgħidulna biex naċċettawx dak li aħna. Għandna bżonn kotba li minn mindu nkunu żgħar, juruna li fid-dinja hawn diversitá ta’ mħabba u forom differenti ta’ familja. X’inhi din il-biża’ kollha minn tipi differenti ta’ mħabba? Għandna bżonn kotba li juru tifla li tħossha mdejqa għax isimha jdejjaqha, hi tħosshha tifel, u t-tfal tal-klassi u sħabha tal-mużew jaċċettawha kif inhi u jirrispettaw id-deċizjonijiet tagħha għax l-aqwa li jarawha kuntenta. Dan kollu f’Malta għadu ma seħħx. Kellna ċans tad-deheb ftit tax-xhur ilu bl-introduzzjoni ta’ kotba li jitrattaw dawn it-temi, peró ma ddaħħlux. Mingħajr ebda sorpriża, l-ebda entitá tal-knisja ma tkellmet jew ħarġet position paper fuq id-diskriminazjoni fuq tfal LGBTIQ għax milli jidher, ċerti tfal huma inqas ugwali minn oħrajn. F’kurrikulu sħiħ ta’ 5 snin tal-istudji soċjali, iż-żwieg bejn persuni tal-istess sess u t-tema ta’ nies gay u leżbjani tissemma darba biss. Jekk mhux tal-mistħija dan il-fatt…
Position paper għandha tinħareg ukoll b’solidarjetá ma’ persuni trans li l-maġġoranza tagħhom ikollhom jaħdmu għal rashom għax isibuha diffiċli jsibu xogħol u jiġu rrifjutati minħabba l-identitá tal-ġeneru tagħhom. Il-Knisja setgħet qalet kelmtejn ta’ solidarjetá wkoll ma’ dawk in-nisa transesswali li jispiċċaw fiċ-ċirku tal-prostituzjoni biex iħallsu l-ispejjeż tal-operazzjonijiet li hawn Malta, mhuwiex provdut mill-istat. Dan kollu ma jseħħx għall-gost. Dan huwa bżonn biex persuna tħossha dak li verament hi.
Ninsab mimli dispjaċir għax għadni ma nistax nifhem kif aħna dejjem spiċċajna l-vittmi ta’ ideoloġiji u reliġjonijiet differenti. Ġejna mibgħuta fil-kampijiet ta’ konċentrament fi żmien in-Nazziżmu, ġejna ċertifikati minn suppost ‘esperti’ bħala nies morda u mibgħuta ġo manikomji. Biex akkwistajna drittijiet bażiċi kellna niġġieldu għal snin twal biex imbagħad naslu fl-2016, nisimgħu lill-Knisja titbaqbaq fuq ‘dritt’ li tmur għal terapija biex tgħinek issir eterosesswali u tiċħad dak li vera int.
Biex akkwistajna drittijiet bażiċi kellna niġġieldu għal snin twal biex imbagħad naslu fl-2016, nisimgħu lill-Knisja titbaqbaq fuq ‘dritt’ li tmur għal terapija biex tgħinek issir eterosesswali u tiċħad dak li vera int
Jien, minn hawn, messaġġ wieħed għandi għal ġenituri, tfal, żgħażagħ, nanniet u kull min b’xi mod għandu kuntatt ma’ nies LGBTIQ. Nies bħalna dejjem kien hawn fl-istorja, konna hawn u se nibqgħu hawn. M’għandniex għalfejn inħossuna morda għax m’aħniex. ‘L-esperti’ jgħidu ħafna xorti. Aħna m’aħniex morda, aħna nies b’kapaċitajiet u difetti daqs ħaddieħor, bid-differenza li l-eżistenza tagħna mhix viżibbli u sta għalina li nagħmluha viżibbli kemm jista’ jkun. Tistħux tgħidu li intom gay, trans, leżbjani. Dawn il-kliem joħolqu spazju fejn ma kienx jeżisti. Tkellmu u uru min intom bis-saħħa, biex il-ġenerazzjoni li jmiss, issib pajjiż aħjar milli sibnieh aħna.
Alex Caruana
Membru tal-Moviment Graffitti