'Ir-ruħ soċjali li fuqha hi mibnija l-UE, m'għadhiex hemm' - Alfred Sant

Sant isostni li l-Ewropa teħtieġ investiment pubbliku ġdid

Il-Kap tad-delegazzjoni Maltija Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant qal li investimenti pubbliċi fl-istati membri tal-UE jistimulaw l-investimenti privati nazzjonali u anke dawk fl-Ewropa kollha. Sant qal li l-investiment pubbliku huwa aktar effettiv meta jsir fuq livell nazzjonali u meta ma jiddependix minn dewmien burokratiku. “Jekk insibu metodi li jqanqlu investimenti pubbliċi nazzjonali, li mbagħad jistimulaw l-investiment privat nazzjonali u anke fl-Ewropa, inkunu qed niksru r-regoli attwali tal-Patt ta’ Stabilita` u Tkabbir? X’aktarx li iva. Għandna nħabblu rasna dwar dan? Fil-fehma tiegħi le....dejjem jekk niżguraw ruħna li ż-żjieda fin-nefqa pubblika fuq livell nazzjonali qed tkun verament iddedikata għall-investiment, mhux għal nefqa rikorrenti.”

Sant stqarr dan waqt id-dibattitu dwar is-Semestru Ewropew tal-2016 fil-Parlament Ewropew fi Brussell. Id-dibattitu fil-plenarja huwa bbażat fuq rapporti mill-Kumitati tal-Ekonomija (ECON), l-Affarijiet Soċjali u l-Kumitat għas-Suq Intern. Dawn taw ħarsa tas-sitwazzjoni ġenerali tal-Unjoni Ewropea hekk kif żvelat mis-servej annwali dwar it-tkabbir ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea.

L-Ewroparlamentari Malti qal li l-akbar problema fl-andament tal-ekonomija Ewropea huwa l-investiment. "M’hemmx biżżejjed investimenti u allura t-tkabbir huwa limitat. It-titjib jew aħjar iż-żamma tal-kundizzjonijiet soċjali tal-ħaddiema li qegħdin f’impjieg, taż-żgħażagħ li qed ifittxu xogħol, tal-familji tal-ħaddiema u tal-pensonanti, mhix qed tidher. Dawn in-nies jisħqu li l-Ewropa qed tonqos fil-konfront tagħhom. Ir-ruħ soċjali li fuqha stabiliet ruħha l-Unjoni, ma għadhiex hemmhekk. Ma nkunux populisti jekk naqblu ma’ dawk li jagħmlu dawn l-istqarrijiet, għax filfatt għandhom raġun," kompla jgħid l-MEP.

“Naqblu jew ma naqblux ma’ dawk imsejħa populisti mhux importanti. Kif se noħolqu t-tkabbir ekonomiku huwa importanti, biex b’hekk jinħolqu impjiegi sodi u fulltime għaż-żgħażagħ.....u l-anzjani jserrħu rashom mill-pensjoni Ma għandniex bżonn formuli teknokratiċi u diffiċli biex insolvu din il-problema. Għandna bżonn rieda politika biex naħsbu fil-bogħod u mhux biss biex nissodisfaw ir-regoli ta’ Stabilita` u Tkabbir. Għandna bżonn azzjoni sempliċi u deċiżiva li timmira eżatt lejn il-kawża tal-problema: l-investiment. L-investiment pubbliku u privat. L-esperjenza turina li l-investiment privat jimxi wara dak pubbliku. Mhux bil-kontra. L-investiment pubbliku waqa’ lura ħafna. Il-Fond ta’ Juncker, effettiv kemm hu effettiv, ma jistax jagħmel tajjeb għal din il-problema,” temm jgħid Sant.

More in Politika