'Tinsinix'...il-Caritas tfakkar dwar il-kruha tas-solitudni

....wara l-aħbar ta' anzjan li nstab mejjet f'daru li kien ilu mejjet tmien ġimgħat u li kien beda jieklu kelb

“

Fid-dawl tal-aħbar makabra tal-anzjan minn Ħaż-Żabbar li kien ilu tmien ġimgħat mejjet qabel instab, il-Caritas qed titlob għal ftit riflessjoni . Il-Caritas qalet illi "l-ewwel ħsieb tagħna jmur lejn dawk qrib tiegħu u noffrulhom il-kondoljanzi tagħna. Skont l-aħħar Ċensiment jirriżulta li ftit aktar minn għaxra fil-mija tal-popolazzjoni, jiġifieri 44,463 huma persuni ta’ aktar minn sebgħin sena. Minn dawn hemm numru sinifikanti ta’ anzjani li jgħixu weħidhom."

"Fl-attività li saret mill-Caritas fil-Milied li għadda beda ħiereġ biċ-ċar kemm hi kbira din il-problema f’pajjizna u wasal iż-żmien li tibda ħidma bis-serjetà mill-awtoritajiet kollha u mis-Soċjetà Ċivili biex kemm jista’ jkun jinstabu soluzzjonijiet. Aktar milli l-anzjanità fiha nnifisha, kwalunkwe sforz li jrid isir biex kemm jista’ jkun jitnaqqsu l-istejjer ta’ swied il-qalb bħalma kellna lbieraħ, irid isir iktar impenn fuq il-ġerħa tas-solitudni. Nagħmluha ċara li din mhix problema ta’ Malta biss. Studju mill-kummissjoni Ewropea jindika li hawn 162 miljun anzjan, li 65 miljun minnhom ibatu mis-solitudni. Dan l-istess studju juri li anzjani weħidhom huma f’riskju akbar ta’ problema ta’ saħħa fiżika u dik mentali.Fid-dawl ta’ bidliet soċjali u demografiċi li qed iseħħu u filwaqt li nirrikonoxxu l-isforzi ta’ gvernijiet preċendti u attwali, tajjeb wieħed ikompli jirrifletti; il-ħidma tal-gvern, il-knisja u l-NGO’s huma biżżejjed? Jien u int, x’qed nagħmlu f’dan il-kuntest?"

Il-Caritas temmet tistieden lil kulħadd biex jagħti aktar kas ta’ dak l-anzjan u l-anzjana li jgħix waħdu/weħidha fil-komunità u li jistgħu jkunu l-ġenituri tagħna stess..

 

More in Politika