Il-Kummissjoni Ewropea tinnota progress fil-qasam tas-saħħa

...Chris Fearne jgħid li l-Gvern se jiffoka fuq il-waiting list fid-Dipartiment tal-outpatients

Is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne
Is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne

Fl-aħħar jiem il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-Country Report għall-2016 ta’ kull pajjiż tal-Unjoni, inkluż Malta. Dan ir-rapport estensiv fuq Malta ta' opinjoni pożittiva ta’ kif  sejjer l-andament ekonomiku f’pajjiżna. Iżda tkellem ukoll fuq is-sistema tas-saħħa f’pajjiżna. Fir-rapport jingħad: “L-awtoritajiet għamlu progress  biex inaqqsu ż-żmien li wieħed jistenna għal diversi proċeduri u testijiet.”

Mitlub jikkumenta dwar dan is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa, Chris Fearne qal li waqt li l-progress fil-qasam tas-Saħħa huwa ċar għal kulħadd, huwa ta' sodisfazzjon illi anke l-għola istutuzzjonijiet Ewropej qed jaghrfu dan.

"Għad baqalna x’nagħmlu u din is-sena", kompla Fearne,"se nkunu qegħdin niffukaw fuq il-waiting list fid-Dipartiment tal-out patients, filwaqt li grazzi għal ftehim riċenti se nkunu wkoll qegħdin naħdmu fuq l-operazzjonijiet tal-bdil tal-irkoppa u l-ġenbejn. L-ewwel m’hu se jsir huma ta’ dawk il-pazjenti li ilhom għal diversi snin fuq il-lista ta’ stennija,” qal Fearne.

"Gvern Laburista qiegħed jinvesti ferm fil-Qasam tas-Saħħa, fil-fatt il-baġit għas-Saħħa ta’ din is-sena żdied minn €414 miljun fl-2015 għal €467 miljun fl-2016" temm jgħid Fearne.

 

More in Politika