Fid-dawl tal-każ 'Panama' fejn instab li l-Ministru Konrad Mizzi għandu trust u kumpanija barra mill-pajjiż, il-gazzetta MaltaToday staqsiet lil membri parlamentari biex dawn jagħmlu dikjarazzjoni jekk huma wkoll għandhomx dawn l-assi barra mill-pajjiż, li tagħhom huma jkunu l-benefiċjarji.
Kważi l-membri parlamentari kollha ċaħdu li huma għandhom kumpaniji jew entitajiet barra minn Malta, li huma l-benefiċjarji. Dawn il-mistoqsijiet ġew mibgħuta wkoll lill-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni li t-tnejn li huma ċaħdu li għandhom dawn l-entitajiet.
Minkejja dan, il-gazzetta ma rċeviet l-ebda risposta mingħand Joe Debono Grech, Joseph Farrugia, Joe Sammut u Giovanna Debono, waqt li d-deputati Nazzjonalisti bagħtu risposta konġunta permezz tal-kap tal-komunikazzjoni tal-PN. Dawn saħqu li l-assi tagħhom kienu dawk dikjarati fil-Parlament, tali dikjarazzjoni kienet rikjesta mill-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil wara li eks ministru kellu kontijiet mhux dikjarati fl-Iżvizzera.