Carmel Cacopardo, Viċi-Chairman tal-Alternattiva Denokratika u qal li fir-rigward ta' governanza l-PN qed jitfa' sunnara li hija "perikoluża, għax hi sunnara bis-sadid." Cacopardo jkompli jgħid fil-Blog tiegħu illi l-PN mhux kredibbli fil-kwistjoni ta' governanza meta wieħed iqis "kif mexa meta kien iffaċċjat b’każi ta’ imġieba ħażina tal-politiċi nazzjonalisti fil-passat riċenti".
Cacopardo li fil-passat kien ukoll jappertjeni lill-Partit Nazzjonalista qal illi "attività pubblika ma ssirx nazzjonali għax tkun imlaqqma hekk mill-PN. Għax fil-waqt li l-PN għandu kull dritt li jitkellem u jsemma’ leħnu fuq kull suġġett taħt il-kappa tax-xemx, ma għandu l-ebda dritt li jipprova jitkellem f’isem kulħadd. Dan apparti l-fatt li l-PN mhux kredibbli minħabba l-passat riċenti tiegħu."
Huwa jibda l-istess blog billi jgħid li l-PN qed jitfa' sunnara biex jagħmel alleanzi ma' dawk ta' rieda tajba. Iżda jkompli billi jfakkar kif "l-ewwel ipprova bl-ambjent u issa qed jipprova jkompliha bil-governanza tajba. Sfortunatament kultant ikun hemm min jibla s-sunnara."