Dik il-frażi li tant kienet saret sinonima mal-Ministru Konrad Mizzi qabel l-elezzjoni, issa reġgħet ġiet lura biex din id-darba tattakka lilu.
Il-kliem 'Shame on you' dehru kbar fuq billboard fl-Imsida, flimkien ma' ritratt tal-Prim Ministru, il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-chief of staff Keith Schembri, wara li ġie żvelat kif dawn it-tnejn tal-aħħar għandhom trusts fi New Zealand u kumpanija fil-Panama.
Dan il-billboard, u diversi kartelluni oħra, qegħdin jiġu armati mill-Partit Nazzjonalista qabel il-protesta kontra l-korruzzjoni li qed jorganizza nhar il-Ħadd li ġej.
Konrad Mizzi kien uża din il-frażi fil-konfront ta' Tonio Fenech, dak iż-żmien Ministru tal-Finanzi f'dibattitu fuq Xarabank qabel l-elezzjoni ġenerali. Minn hemmhekk, din il-frażi bdiet tintuża f'diversi okkażjonijiet, inkluż fil-konfront ta' Simon Busuttil mill-istess Ministru.