Il-leak ta' Konrad Mizzi aktarx ħareġ minn Mossack Fonseca

Sorsi fi ħdan il-PN spjegaw kif kieku l-informazzjoni ġiet f’idejn il-PN qabel, dan kien iħalli l-istorja għal ftit qabel l-elezzjoni 

Uffiċjal għoli mill-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji qal lill-gazzetta ILLUM li l-‘leakages’ dwar il-kumpaniji tal-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi u l-kap tal-istaff ta’ Muscat, Keith Schembri ġew minn barra l-pajjiż. Fil-fatt, huwa qal ukoll li l-probabbiltà hija li l-informazzjoni ħarġet minn xi ‘leak’ jew ‘hacking’ tas-sit tal-kumpanija finanzjarja Mossack Fonseca. Wara, jidher li din l-informazzjoni ngħatat lill-blogger Daphne Caruana Galizia li ħarġitha ftit qabel ma Mizzi kien elett Deputat Mexxej tal-Partit Laburista. Minkejja t-tisbita li dan il-każ ta lill-Gvern, sorsi fi ħdan il-PN li tkellmu mal-ILLUM spjegaw kif kieku l-informazzjoni ġiet f’idejn il-Partit Nazzjonalista qabel, dan kien iħalli l-istorja għal ftit qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss bil-għan li l-ħsara tkun waħda aktar definittiva u b’saħħitha.

Fil-fatt, l-istess sorsi qalu li l-PN jemmen li kieku ma bdewx ħerġin l-ewwel tiri sottili fuq il-blogg ta’ Caruana Galizia, Konrad Mizzi xorta ma kienx jiddikjara din il-kumpanija fil-Panama u l-ħsara elettorali kienet tkun bil-wisq ikbar qabel elezzjoni ġenerali. L-informazzjoni li għandha l-ILLUM tikkuntrasta sew mal-istorja li kienet dehret fil-gazzetta l-Orizzont li kienet stqarret kif xi ħadd kien inxtara biex jisraq din l-informazzjoni mill-kumpanija Nexia BT ġewwa San Ġwann.

Bħalissa għaddejja kawża l-Qorti li fetaħ il-Minstru Konrad Mizzi kontra Caruana Galizia li allegat li Mizzi għandu relazzjoni ma’ membru tal-istaff tiegħu. Huwa mifhum li Caruana Galizia hija determinata li akkost ta’ kollox tkisser lil Mizzi, propju minħabba din il-kawża. Huwa ċar ukoll li l-PN qed jaħdem mill-qrib ma’ Caruana Galizia, iktar minn qatt qabel, anke jekk fir-rapport tat-telfa elettorali, miktub fost oħrajn mis-Segretarju Ġenerali l-ġdida tal-PN Rosette Thake, l-istess blogger hija identifikata bħala waħda mir-raġunijiet għat-telfa tal-PN fl-2013. 

More in Politika