New Zealand jista jkun l-ewwel pajjiż li jneħħi l-benefiċċji relatati max-xogħol u min flok idaħħal paga bażika lil kulħadd. Il-proposta li qed titressaq mill-Partit Laburista f'New Zealand li bħalissa qiegħed fl-Oppożizzjoni tkun tfisser illi kull ħaddiem jingħata paga bażika li jżomm meta dan jitlef ix-xogħol. B'hekk minflok persuna terġa tapplika għall-benefiċċji kull meta titlef ix-xogħol, tibqa' tirċievi dan id-dħul bażiku. Il-mexxej Laburista ta' New Zealand Andrew Little qal li din il-proposta mhux neċessarjament tkun fil-programm elettorali u mhux neċessarjament tkun aċċettata mill-Gvern.
Jidher illi l-Olanda u l-Finlandja se jkunu qed jimxu fuq il-passi tal-Partit Laburista ta' New Zealand. F'pajjiżna wkoll kienet qamet diskussjoni simili dwar living wage mill-Partit Laburista, dak iż-żmien fl-Oppożizzjoni. Dan il-Gvern, għalkemm ma daħħalx il-kunċett ta' living wage għamel ukoll inizjattivi, fosthom dawk fejn persuna tibqa' tirċievi benefiċċji għall-ewwel tliet snin li tkun daħlet fid=dinja tax-xogħol.