Jirdoppja n-numru ta' switchers li ma jafdaw lil ħadd

Jitla' għal 41% n-numru ta' switchers li la jafdaw lil Muscat u lanqas lil Busuttil

In-numru ta' switchers li issa ma jafdaw lill-ebda mexxej ta' partit irdoppja minn 22% għal 41%. Dan ħareġ fl-istħarriġ tal-gazzetta MaltaToday li deher nhar il-Ħadd li għadda fejn deher li l-iskandli u l-kwistjonijiet li għaddej minnhom il-Gvern partikolarment dawk li għandhom x'jaqsmu mal-Panama ħallew l-aktar effett fuq l-iswitchers u mhux fuq dawk li huma tradizzjonalment Laburisti.

Fost l-iswitchers, dawk li jafdaw iktar lil Muscat milli lil Busuttil, il-persentaġġ naqas minn 38% għal 23% waqt li dawk li jafdaw iktar lil Busuttil baqa' stabbli f'27% ta' dawk li wieġbu. Iktar minn hekk, 20% biss tal-persuni f'din il-kategorija qalu li jerġgħu jivvutaw lill-Partit Laburista, li huwa tnaqqis ta' 33% fuq ix-xahar li għadda.

Fl-istess waqt, in-numru ta' switchers li issa jerġgħu jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista tela' għal 32%, u għaldaqstant ifisser li wieħed minn kull tliet switchers reġgħu rritornaw għall-voti lill-PN. 

In-numru ta' switchers li ma jafux lil min jivvutaw kieku l-elezzjoni kellha ssir għada, tela' għal 27% minn 6% ix-xahar li għadda.

More in Politika