"Minflok ikompli jinqata’ mir-realtà, il-Partit Laburista aħjar jara r-raġunijiet vera għaliex Toni Abela falla quddiem il-Parlament Ewropew." Dan qalu l-PN fi stqarrija maħruġa illum illi fiha qal li nToni Abela falla għax "ma ssodisfax il-kriterji ta’ biżżejjed esperjenza fl-awditjar u indipendenza politika. Dan imissu rah Joseph Muscat qabel ma poġġa lil Toni Abela f’din in-nasba."
Huwa minn ewl id-dinja, jkompli jgħid il-PN, li f’kull smiegħ isiru l-mistoqsijiet diffiċli - bħalma saru mistoqsijiet diffiċli lil Joe Borg, lil Tonio Borg, lil John Dalli, lil Louis Galea u lil Karmenu Vella. Imma dawn għarfu jwieġbu sew u għaddew mit-test iebes li kellhom. "Jekk Toni Abela m’għaddiex, sinjal li ma kienx tajjeb għal din il-kariga. Dik hi l-verità, u inutli li l-Partit Laburista jipprova jara f’min se jwaħħal."
Il-Partit Nazzjonalista huwa lest, kif dejjem kien, li jgħin lill-Gvern isib l-aħjar kandidat li jista’ jagħmel unur lil Malta fl-istituzzjonijiet Ewropej. Il-Partit Nazzjonalista lest li jappoġġja bis-sħiħ kandidat li jilħaq il-prinċipji ta’ meritokrazija: li l-kompetenza, l-esperjenza u l-integrità jkunu tabilħaqq ‘l fuq minn kull dubju.