Sala ġdida f'San Vinċenz wara xogħol estensiv ta' rinovar

l-Investiment ilaħħaq il-€450,000

Is-Seg. Parlamentari Caruana waqt il-ftuħ tas-sala
Is-Seg. Parlamentari Caruana waqt il-ftuħ tas-sala

Illum is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana fetħet uffiċjalment sala oħra f’San Vinċenz de Paul wara li sar rinovar estensiv b’investiment ta’ €450,000. Din hija il-ħames sala li nfetħet fi żmien erbgħa u għoxrin xahar għar-residenti wara li sar xogħol ta’ rinovar u ta’ tisbiħ u manutenzjoni biex jitħaddmu standards ogħla u aktar dinjitużi għar-residenti.

Is-Segretarju Parlamentari qalet li din is-sala se tkun qiegħda tilqa’ 43 resident, u li dawn ser ikunu qegħdin igawdu minn aktar privatezza u kura aħjar. Hija spjegat li, biex dan seta’ jseħħ, kellhom jinbnew kmamar tal-banju ġodda fuq wara tas-sala, u li sar xogħol biex l-ambjent ikun dementia friendly. Dan ix-xogħol kollu sar mil-ħaddiema tal-Faċilità ta’ Kura fit-Tul San Vinċenz de Paul biex b’hekk il-proġett sar fiż-żmien stipulat. Is-Segretarju Parlamentari Caruana rringrazzjat lill-ħaddiema tad-dedikazzjoni tagħhom u awgurat ukoll lill-impjegati kollha li ser ikunu qegħdin jaħdmu mar-residenti fis-Sala ta’ St Joseph 2.

Justyne Caruana ddeskriviet dan il-proġett bħala wieħed mill-ħafna proġetti li qiegħdin isiru fil-faċilità. Fost dawn il-proġetti, semmiet erba’ swali oħra li ġew rinovati, id-dipartiment tal-laundry, id-dipartiment tal-MMMU, il-klinika tad-dentistrija, ħdax-il day clinic ġdid li jispeċjalizzaw fil-kura ġerjatrika, u ċ-ċentru t’eċċellenza ġdid fit-taħriġ tal-kura għall-anzjani.

Is-Segretarju Parlamentari ħabbret li diġà inbeda xogħol f’sala oħra biex tiġi rinovata mill-qiegħ sabiex tkun tista’ toffri kura ta’ kwalità aħjar lir-residenti tas-sala. 

 

Hija kkonkludiet billi qalet li dan il-Gvern jibqa’ kommess b’risq servizzi u kura aħjar għall-anzjani, u biex joffri standards dejjem ogħla fir-residenzi u l-faċilitajiet li joffri servizzi fihom.

 

More in Politika