Waqt li kien qiegħed jindirizza symposuim organizzat mill-Fakultà tax-Xjenza Medika, is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne qal li l-viżjoni tal-Gvern fil-qasam tas-Saħħa tiddependi fuq żvilupp fir-riżorsi umani.
“Dan l-isptar ffaċċja diversi diffikultajiet fosthom; pazjenti fil-kuritur u listi ta’ stennija, problemi li qed naħdmu fuqhom u f’ċertu każi rnexxielna nsolvu grazzi għall-isforzi kollha tal-ħaddiema fil-Qasam tas-Saħħa. Iżda xogħolna ma jieqafx hawn. Se nkomplu nkabbru s-servizzi tagħna, u ser noħolqu opportunitajiet ta’ xogħol f’dan il-qasam,” qal Fearne.
Is-Segretarju Parlamentari żied jgħid li l-binja l-ġdida bisiwt l-Emerġenza se tkompli togħla b’seba’ sulari oħra biex tospita sptar tat-tfal u maternità. “Iżda biex inwettqu dawn il-proġetti, irridu nkomplu nżiedu l-work force tagħna,” qal Fearne.
Il-Fakultà tax-Xjenza Medika, fl-Università ta’ Malta, ilha mwaqqfa sitt snin u tinkorpora fiha 12-il Dipartiment u 1,300 student.