'Il-MEPA applikat hi stess biex il-palazz ta' Beppe jkompli jikber'

'Illum mhux xamma għandna imma evidenza dokumentata' jgħid Ian Castaldi Paris.

Waqt Konferenza tal-Aħbarijiet indirizzata mill-Ministru Chris Cardona u Dr Ian Castaldi Paris, intqal kif fuq il-Palazz ta’ Beppe Fenech Adami fil-Għargħur seħħew numru ta’ kumbinazzjonijiet li jindikaw abbuż sfaċċat ta’ poter u favoritiżmu u  li jqajjmu diversi mistqosijiet.
Il-Ministru Chris Cardona qal li dan huwa skandlu ta’ vera marbuta ma’ waħda mis-7 propjetajiet, li nafu bihom, ta’ Beppe Fenech Adami, l-istess persuna li fil-Partit Nazzjonalista huwa aktar b’saħħtu mill-Kap tiegħu Simon Busuttil. F’dan il-każ, b’żewġ daqqiet ta’ firma tal-eks-Prim Ministru Lawrence Gonzi, li l-involviment tiegħu huwa ċar b’korrispondenza iswed fuq l-abjad, dan il-palazz sar miljunarju mill-lejl għan-nhar f’każ ċar ta’ abbuż ta’ poter u favoritiżmu, spjega Dr Cardona. Il-Ministru għamel referenza wkoll għal-libell li fetaħ il-Viċi Kap Nazzjonalista u stqarr li għalkemm Fenech Adami għandu kull dritt li jiftaħ libelli, il-Partit Laburista wkoll għandu dritt li jikkumenta fuq din l-istorja li ħierġa mill-mezzi tax-xandir, u l-ebda libell mhu ser jintimidana.
Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u l-Intrapriżi ż-żgħar għamel sensiela ta’ mistoqsijiet fosthom

kif Beppe Fenech Adami kien daqshekk ċert li ser joħorġulu l-permessi?

Kif jista’ jkun spjegat li dawk li applikaw biex il-bini jgħolla ‘il fuq kien miċħuda u ta’ Beppe Fenech Adami le?

Jista jitwemmen Beppe Fenech Adami li sa ftit tax-xhur ilu kien qed jitkellem fuq l-ODZ, tant li mar jipprotesta, u għandu daru mibnija fuq ODZ? Huma dawn l-istandards li Simon Busuttil jitkellem fuqhom?

Simon Busuttil kien jaf bil-każ? Kien infurmat?

Il-Kap tal-Oppożizzjoni għamel verifika dwar il-fatti?

Se jieħu passi fil-konfront ta’ Beppe Fenech Adami?

Kif ħa jiġġustifika dan kollu?, temm jistaqsi Dr Cardona.
Min-naħa tiegħu Dr Castaldi Paris spjega l-istorja li s’issa ħarġet fil-mezzi tal-komunikazzjoni u stqarr kif il-Palazz ta’ Beppe saret over-night jiswa l-miljuni. Kienet kumbinazzjoni li dan il-palazz daħal fl-iskema fl-2006 tar-razzjonalizazzjoni tal-art? Biex minn propjetà li kienet tiswa ftit saret tiswa l-miljuni?, staqsa Ian Castaldi Paris.

In-Nutar Castaldi Paris issokta jgħid li fl-2007, il-MEPA applikat hi stess biex il-Palazz ta’ Beppe jkompli jikber u filwaqt li permezz ta’ ittra datata 8 ta’ Ottubru 2008  iffirmata minn Lawrence Gonzi kienet ċaħdet it-talba ta’ nies oħrajn, kienet milqugħa dik tal-Palazz ta’ Beppe Fenech Adami. Fit-13 ta’ Ottubru tal-istess sena, l-eks-Prim Ministru Gonzi kien ikkonferma d-deċiżjoni tal-ewwel ittra. Kumbinazzjoni? staqsa Castaldi Paris. Kienet kumbinazzjoni wkoll li wara ġimgħatejn tal-ittra ħarġu l-permessi u 8 xhur qabel l-istess Fenech Adami kien diġa’ għamel is-sottomissjonijiet tant kemm kien ċert li ħa joħroġ il-permess? Mhux kumbinazzjoni li t-talbiet biex jgħollu ta’ nies oħra kienu miċħuda barra ta’ Beppe?Kumbinazzjoni li ħafna nies idumu jistennew żmien twil biex jinħareġ permess fuq feles u dan ħareġ daqshekk malajr?.
Simon Busuttil għandu jgħid x’ħa jagħmel, l-aktar wara li lbieraħ fi programm qal li jekk ikun hemm xamma ta’ xi ħaġa f’dawk ta’ madwaru dawn jitilqu. Illum mhux xamma għandna imma evidenza dokumentata, temm jgħid Ian Castaldi Paris.
 

More in Politika