L-ILLUM hija nfurmata li fil-ġranet li ġejjin, il-Partit Laburista se jkun qed jintensifika l-attakk fuq il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami billi jintefa’ dawl fuq ir-rabtiet mill-qrib li għandu ma’ kuntratturi kbar u magħrufin fil-pajjiż.
Din il-gazzetta hija nfurmata li Fenech Adami kien jaħdem u għadu jaħdem mill-qrib ħafna ma’ kuntratturi magħrufin sew u li fil-passat spiċċaw f’nofs kontroversja. L-ILLUM hija nfurmata wkoll li apparti li jitkellem f’isem kuntratturi, huwa wkoll l-avukat ta’ kuntrattur ieħor kbir.
Din ir-relazzjoni mill-qrib ta’ Fenech Adami ma’ diversi kuntratturi tfakkar f’inċident li seħħ f’lukanda magħrufa ftit snin ilu fejn kuntrattur magħruf li kien qed jiekol ma’ Fenech Adami kien ħebb għall-ġurnalista Claire Bonello, illum Direttur fil-PBS.
Il-Partit Laburista u l-midja tiegħu se tkun qed tiffoka fuq ir-rabta mill-qrib ħafna ta’ Fenech Adami ma’ numru ta’ kuntratturi fl-isfond tal-kwistjoni li qamet din il-ġimgħa u li tirrigwarda d-dar tal-istess Fenech Adami fil-Għargħur. Skont ONE News, kemm Beppe Fenech Adami kif ukoll Mario Demarco bagħtu messaġġi, saħansitra lil Ministri tal-Gvern, biex jieqfu l-attakki li qed isiru fil-konfront tagħhom.
L-istorja kollha ta’ dak li qed jissejjaħ il-‘Palazz ta’ Beppe’ hija dwar allegat indħil politiku li minnu gawda Fenech Adami u l-proprjetà tiegħu, għad-detriment ta’ persuni oħrajn li jgħixu fl-istess akkwati. Qed isiru wkoll allegazzjonijiet mill-PL li fl-istess dar saru numru ta’ illegalitajiet u li s-sit, minn wieħed ODZ sar wieħed tajjeb għall-iżvilupp.