Salvu jikteb ittra li fiha x'tomgħod lil politiċi
'You may say I'm a Dreamer...but I'm not the only one'
minn John Busuttil
Qed ngħażel li nkellimkom b’Malti sempliċi ta’ kuljum kif jitkellmu bejniethom il-Maltin. Tiftakruhom il-Maltin? Dawk li jtukhom il-voti u jgħaqqdulkom l-kwoti fl-elezzjoni? Dawk li meta tilħqu prinċpijiet, ssibulhom xi job, imqar li ma jinqalgħux għalieħ mal-gvern bil-flus tagħna (mhux tagħkom m’hemx għalfejn ngħidu) biex issodduhom. Dawk eh! Dawk li tħobbu twerwruhom bil-babaw.
Ma nafx x’fettilli nikteb ittra lill-xi ħadd li fil-fatt lanqas biss nafu. Xi ħadd li l-esperjenza tgħallimni, li jiġi jaqa’ u jqum minn sakemm ma tibdiex riesqa l-elezzjoni. Minjaf, forsi għax fl-aħħar qabżitli 63 sena nibla l-kanen, jew għax baħnan biżżejjed li nemmem, li n-naħqa ta’ ħmar li m’għandu rabta ma ebda qaddis, xorta tista’ titla’ s-sema.
Jew għandu mnejn, għax fuq il-facebook qrajt li l-President tar-Republika wissiet liż-żewġ partit politiċi, li issa li qatgħuha li jibdew jitkellmu (dejjem bejniethom) dwar ir-riformi fil-kostituzzjoni, iwarrbu l-partiġjaniżmu tas-soltu.
Aħfirli Eċċellenza, imma jkolli ngħid li daqsi trid temmen fil-mirakli ta’ l-impossibbli. Għadhom lanqas biss bdew u diġa’ weħlu fil-piki skandalużi ta’ bejniethom u nkixfu mill-ewwel x’inhuma: Irjus iebsa, li kollox idur magħhom u għaċċana għal poter, li ilhom żmien li nsew li meta jitolbu u tingħatalhom il-fiduċja tan-nies kull ħames snin, dmirhom hu li jaħdmu ‘flimkien’ biex ‘jaqdu’ lill-pajjiż kollu bil-fatti u mhux biss bil-paroli u jħalluħ aħjar milli sabuħ.
U mill-ewwel qed nisma’ jidwi: “Għaliex Salv, m’għamilnx ġid u ma mexxejnieħx ‘l quddiem il-pajjiz?” U ħafna wkoll u ħaqqkom proset, u uħud minnhom ħaqqhom proset aktar minn oħrajn, għax inzertajt m’hinix wieħed minnkom li nmeri s-sewwa mgħaruf u ngħid li l-ġrajja bdiet miegħi u qabel kien hemm id-deżert. Imma bħal bnedmin, il-partiti jikbru u jistgħu jomordu u dak li kienu f’żogħżithom, mhux bilforx huma dak li huma llum.
Iss’ejja ngħidu li jien qabbadt electrician biex jgħamilli d-dar kollha. Ma naħsibx li jkun għamel xi ħaġa ta’ barra minn hawn għax ikun għamel dak li kien wiegħdni u li ħallastu għalieħ! Għalkemm xorta nieħu gost ngħidlu proset għas-sengħa tiegħu. Iss’ejja ngħidu li biex għaddieli d-dawl għamilli wkoll xi ħsara li ma kelliex isir, ta’ min jiġbidlu l-attenzjoni? Iss’ejja ngħidu wkoll li tant fdajtu, li ħallejtu jaħdem mingħajr ma qadt ngħassislu żżejjed, u malli telaq insib li kaxkar miegħu xi żewġ figurinin sbieħ li ħallitli n-nanna u l-playstation tat-tfal?
Nahseb li issa l-folja tkun inqalbet u minn ħaddiem tas-sena li għamilli biċċa xogħol tajba, sar ħalliel li ma tistax tafdaħ....bravu kemm hu bravu.
Issa jekk ikolli bżonn darb’oħra u ma jkun hemm ħadd aktar jgħamel dax-xogħol, ikolli nerġa’ nqabbad lili bħaċ-ċuċ u nkun tassew baħnan jekk nerġa’ nafdaħ. Issa jekk ikun hemm żewġ eletricians biss u t-tnejn għandhom l-istess vizzju għax m’hemx mnejn tgħażel, allura dawn it-tnejn ikunu ħolqu monopolju bejniethom u jkollok toqgħod biħ, inkella tibqa’ bla dawl.
Naħseb li ġieli ġralkom li tħossukom ittrattati ħażin, għax per eżempju tal-kċejjen iħallukom xhur tistennew, għax jafu li bejniethom għandhom monopolju, u jafu li ġaġadarba tasal il-kċina u tkun kuntent tispiċċa tinsa’ kollox, sakemm ma jkollokx bżonn ta’ xi ħaġ’oħra minn għandhom.
Għax dat-tip ta’ momopolju iġib miegħu l-arroganza u l-korruzzjoni u s-sistema ta’ żewġ partiti, m’hi xejn ħlief monopolju, u sar għandna ħafna u ħafna mit-tnejn. U dan mhux jien qed ngħidu imma l-partiti nfushom, li ma jaqtgħu xejn jitgħajjru bejniethom bli għandhom u bli m’għandhomx, u min hu l-għar fosthom, u l-aktar wieħed malinn u kodard, u għal darba nħoss li nista’ naqbel magħhom it-tnejn!
Naħseb li saħansitra l-aktar partitarju akkanit ukoll jammetti, li l-korruzzjoni ilha żmien twil li rabbiet għeruq ħoxnin fis-swali tal-poter, almenu skond kif jgħidu nieshom stess. Mux hekk biss, imma saret biċċa waħda mas-sistema jew almenu hekk jidher, għax meta taqbadha ma xi ħadd, kemm-il darba tisma’ minn jgħidlek “Ħeqq, meta tkun hemm fuq hux, it-tentazzjoni kbira hux, dawk il-flus kollha kulħadd joffri biex tgħamillu l-pjaċiri. Kważi mpossibli ma tinxtarax. Wara kollox il-politika maħmuġa!” Imbagħad, b’ton ta’ rassenjazzjoni issib ħafna min joħroġlok “ Tgħażel l-aħjar fost l-għar hux!” Dak ċertifikat ta’ min jiftaħar biħ eh, sinjuri kampjuni tad-demokrazija!
Dan l-aħħar smajt politikant jistqarr fuq it-televixin li “din hija l-perċezzjoni, (bil-Malti komuni, mhux kif jitkellmu d-deputat tfisser x’jaħsbu n-nies) hemm barra.” Ikolli ngħid li ‘hemm barra’ kien qiegħed ifisser fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies komuni, ‘l bogħod miċ-ċejċa miljunarja ta’ dawk tal-qalba. Ma setax jifhem ukoll, x’seta’ wassal għal din l-erġjna ‘perċezzjoni inġusta’ li ħass li ma tixirqilhomx, wara li ilhom żmien twil isostnuha kull ħin u kull mument huma stess!
Hu x’inhu, tassew ħaqqkom proset sinjuri, eh sorry, Onorevoli politikanti, għandkom tħossukom tassew kuntenti li żrajtu dawn il-‘perċezzjonijiet’ fuq xulxin fost il-Maltin t’hemm barra. Talli ppervertejtu pajjiż sħieħ, li wasal biex daħħalha f’rasu, li l-korrużżjoni huwa l-prezz li jrid iħallas minn taħt il-bank kull ħames snin, minkejja r-retorika kollha xinxilli, waqt li bdiltu kliem bħal deċenza, onesta’ u moralita’ f’paroli vojt, li jiswa biss biex jakkwistalkom xi vot zejjed, min min jemmen dak li tkunu qiegħdin twedu!
U erħila tidwi l-kelma ‘korruzzjoni’ meta’ jinqabgħad ibagħbas xi gustuż tan-naħa l-oħra! Imma malajr, malajr naqilgħu xi waħda minn dawk li jkunu għamlu fi żmienhom. B’hekk tpaċu kollox qisu qatt ma kien xejn, u kulħadd jibqa’ b’li ħa...dejjem minn fuq it-taxxi tagħna,li xgħolna hu li nħallsu għall-iżbalji li tgħamlu intkom . Imbagħad, jekk xi wieħed minn dawk t’hemm barra ifttellu jinsa’ postu ta’ sudditu ubbidjenti, u jiftaħ ħalqu u jinħaq, għax ikun tassew tqażżeż b’emilkom, erħilkom iċċapsuħ ma naħa jew ma’ l-oħra, għax dan min bagħad għalieħ! Proset, ħa ngħida bl-Ingliż għax aktar fiha ħoss: “Divide and Rule” l-aktar arma b’saħħitha ta’ kull min iried jibqa’ jherda bla qies minn fuq dahar in-nies, waqt li jġib fix-xejn il-ħsieb wara d-demokrazija,.
Biex tkompli tgħaxxaqha, l-isplużjonijiet ipokriti ta’ rabja ta’ min ikun baqa’ b’xiber imnieħer u ma ħax il-ġvern, immirati biex iqanqlu l-aktar istinti baxxi flok ir-raġuni, idumu jidwu biżżejjed sakemm takkwistaw xi daqsxejn tal-vantaġġ politku, imbagħad malajr jintnesew u jintradmu taħt il-bużullotta li jmiss, ħalli ma jbgħati ħadd, għax skond kif inhi perċezzjoni oħra ta’ dawk t’hemm barra: “Dawk f’wiċċna jiġġieldu, imma minn wara dharna, Alla biss jaf xi jħawwdu bejniethom!” Tgħid minn fejn ġabuha din il-perċeżżjoni inġusta hux sur onorevoli? Imma l-fatt hu li hemm qiegħda.
Wisq nibża’, li dawn huma l-perċeżżjonijiet, ingusti jew le, ta’ poplu rrassenjat li jiġri x’jiġri, huwa kkundannat li jkun immexxi minn ħallelin u minn sistemi korrotti, għax ma ħallelewlux għażla. ‘Perċezzjoni’ li xejn m’hi ta’ ġid f’demokrazija. Il-partiti politiċi tagħna għandhom għalfejn ikunu kburin, li bl-iskuża ta’ ‘stabilita’ politika’ ħolqu sistema, fejn iċ-ċittadin ġie mċaħħad minn leħnu u minn demokrazija kif għandha tkun, fejn kollox irid isir bl-interċessjoni ta’ xi qaddis jew ieħor, ta’ naħa jew ta’ l-oħra, waqt li raw kif għamlu biex qasmu poplu fi tnejn bil-biża’, u ġabuħ imur jivvota bi ħġaru, mhux biex il-pajjiż jgħażel l-aħjar triq biex jikber u jimxi ‘l quddiem, imma biex ma jieħux f’idejħ il-poter, dak li ħafna saru jħarsu lejħ bħala l-agħar fost l-għar. Mentalita’ tassew negattiva, li trid ma tkunx tgħix hawn biex ma tindunax li għamelt diġa’ ħafna ħsara lill-pażjjiż.
U f’rasi ġietni perċezzjoni oħra li tgħidx kemm isserrep qalb dawk il-qabda ingrati t’hemm barra: “ L-ewwel ħafna ħlewwa sakemm joħdulek il-vot, imbagħad jinsewk sakemm tasal elezzjoni oħra!” Sakemm ma tkun xi wieħed minn dawk l-ixxurtjati li jibda jaħsad bil-kbir u minn fuq daharna, minn dak l-investiment moħbi li jkun żera’ fi snin ta’ oppożizzjoni.
Jekk m’inhix sejjer żmerċ, fit-teorija aħna ngħixu f’demokrazija fejn ‘kulħadd’ għandu d-dritt u saħansitra d-dmir, jekk jemmen li jista’ jkun ta’ ġid għall-pajjiż, biex joħroġ għall-elezzjoni. Imma l-prattika għallmitna, li bis-saħħa tal- manuvrar tagħhom, il-kampjuni tagħna tad-demokrazija, għamlu l-ħajja infern lill kull min jittanta joħodha kontra l-eġemonija tagħhom. Każ ċar kien dak ta’ l-Alternattiva Demokratika, li skond kif stqarr onorevoli u ministru li x’aktarx missitu għal mument wieħed il-kuxjenza, huma s-7,000 vot li igħatat l-Alternattiva Denokratika minn ċittadini imxebbgħa, li l-partiti ma rnexxilhomx jgħadduhom biż-żmien bil-biża’ u l-karnivalati, għax x’aktarx jużaw moħħhom aktar minn oħrajn, u spiċċaw biex intremew.
Meta wieħed iqis is-sagrifiċċji u t-tbgħatija, biex ma nsemmix id-dmija li popli sħaħ kellhom ixerrdu biex jakkwistaw din il-biċċa karta li tgħatihom leħen fil-komunita’ li jgħixu fiha, tifhem kemm tassew hija ħasra li nies li setgħu taw sehem siewi lill-pajjiżhom, ġew imwarrba minħabba sistema li tiffavorixxi il-bullying ta’ min hu kbir u b’sahhtu u min għandu l-aktar flus. Eżattament il-maqlub ta’ x’għandha tkun id-demokrazija.
F’soċjeta’ żgħira bħal tagħna, ma setax jonqos li fi ftit żmien wara l-Indipendenza, sistema mxaqilba bħal din twassal għall-polarizzazzjoni li tkaxkar, li kissret it-tifsira vera tad-demokrazija: ‘ Power to the People’, waqt li ħaditilha postha ‘zija’ oħra xejn mill-ħelwin. Partitokrazija, fejn jinstema’ l-leħen tal-partiti mhux taċ-ċittadini. U Malta spiċċat qisa Cindirella, imqiegħda f’postha miz-zewġt aħwa koroħ u kattivi.
U la bdejt b’Lennon inkompli biħ. ‘You may sa I’m a dreamer’, imma ċ-ċaqlieqa ta’ 36,000 vot fl-aħħar elezzjoni, u li eluf ta’ Maltin għażlu li jgħidu LE, mhux biss għal kaċċa, imma għall-indħil tal-partiti fid-deċiżjonijiet tagħhom, juri li l-għafsa tal-partiti qiegħda bil-mod tinħall. Jista’ jkun li għax is-suppervja u l-arroganza tagħhom ma ħallithom jindunaw li l-firxa tat-tgħarif u l-aħbarijiet li jiġru minn post għall-ieħor f’tebqa t’għajn, wasslu biex waqqgħu saħansitra dittaturi, li kienu ilhom jgħasru popli sħaħ għal għexieren ta’ snin.
Irrid nemmen, li dawn ir-riżultati sorpriża, li taw xejra aktar responsabbli u moderna lill-Maltin, huma messaġġ qawwi lill-partiti biex iċedu l-monopolju li ħolqu huma stess, u jhifmu li wasal iż-żmien ta’ bidla. L-ewwel u qabel kollox fis-sistema ta’ kif jingħażlu dawk, li jkunu qiegħdin jersqu ‘l quddiemu biex isemmgħu leħnu. Fejn kull min tiġieħ is-sejħa li jaqdi lill-pajjiżu, ikollu spażju u opportunita’, kulħadd indaqs u kullimkien, ħalli l-poplu jisma’ dak li għandu x’joffri u jgħażel.
Il-vantaġġ waħdieni għandu jkun biss tal-poplu li jrid jaqtagħha bejn li hu tajjeb għalieħ u għal uliedu mingħajr ma jiġi mmanipulat, mhux ta’ min hu b’saħħtu, għax il-ġrajja tgħallimna li għax tkun b’saħħtek ma jfissirx li tkun tajjeb jew l-aħjar. Jinħtieġ li tinħoloq sistema ġdida elettorali, fejn l-għażla tan-nies ma tkunx imxekkla b’ostakli, hekk imsejħa kostituzzjonali, li jaħdmu kontra l-poplu u favur il-partiti. Sistema miftuħa fejn min irid jaqdi lill-pajjiżu fl-għola istitużżjoni, la għandu jiġi mġiel joħloq xi parti ieħor, u lanqas li jingħaqad ma wieħed li diġa hemm, inkella kif tgħid perċezzjoni komuni oħra li hemm hemm barra: “Insieha sieħbi, għax kif inhi is-sistema m’għandekx ċans!” Kien hemm min kellu idejat ġodda u onesti u ttanta jaħdem fi ħdan il-partiti, forsi anka bil-ħsieb ġenwin li jirrenġa l-affarijiet minn ġewwa, imma falla. Għax il-kilba tal-partiti għal poter spiċċat biex iġġamjathom għal kollox, u minflok il-ġid tal-pajjiż saru jfittxu biss li l-partit ikun fil-gvern, biex kif inhi l-perċezzjoni oħra ta’ ħafna li hemm hemm barra “ Iħallsu lura bi flusna, id-djun u l-wegħdi li jkunu għamlu biex ħadu, anzi tkun aktar f’postha ngħid serqu, il-poter.” Tant saret kbira il-gula għall-flus tal-partiti, li la l-miżati u lanqas il-ġbir m’għadhom biżżejjed biex joħolqu biżżejjed ħrejjef u wiegħdi fierħa u paraventi mlewna, ħalli jgħammxu bihom in-nies biex ma jindunawx bir-rebgħa li t-tnejn għandhom għal poter. Allura kellhom ibiegħu ruħhom lill mnin joffri l-aktar, forsi anka l-barranin, u jien ma nafx b’neguzjant wieħed li ma jistenniex qliegħ tajjeb fuq dak li jkun ħareġ.
Sakemm ma jgħamlux bidliet tassew mil-qiegħ, mhux biss fl-isem, l-immaġni u il-logos tagħhom, ma nistax narahom jerġgħu jiksbu l-fiduċja li xi darba kellhom u nittma li sakemm jibqgħu kif inhuma ma jkollhom qatt. Il-firxa tat-tgħarif, il-medja socjali, wiegħda wara l-oħra mhux miżmuma, l-arroganza fil-gvern u l-onesta’ falza fl-oppożizzjoni, begħduhom minn għadd dejjem jikber ta’ nies li jużaw moħħhom, li għandhom jibdew jitolbu bidliet li jgħatu aktar saħħa u leħen liċ-ċittadin.
Is-sistema li hemm illum difnet għal kollox il-leħen fjakk taċ-ċittadin bil-fanfarunati ta’ min jaħseb li għax jgħajjat ħafna għandu raġun, li l-ħtieġa għal aktar flus għamlitu ruffjan tan-negozjanti għonja, li rabbew lil dawn iż-żewġ mostri bi flushom, u li minkejja kliemhom, b’għemilhom urew li ma’ jridux jew m’għandhom il-ħila jitilqu t-triq tal-korruzzjoni, għax hemm min qed jiġbdilhom l-ispaga. Baxx baxx bidlu d-demokrazija f’oligarkija, fejn grupp żgħir ta’nies sinjuruni jiddettaw dak li jaqbel lilhom u xejn aktar.
Illum il-kelma korruzzjoni tinstab fuq fomm kulħadd, imma din m’hix il-marda kif qed jippruvaw ibellgħuhielna il-partiti għax hekk jaqbel, imma s-sintomu ta’ sistema ta’ dittatura ta’ żewġ partiti moralment skaduti, ruffjani ta’ l-ologarkija ta’ neguzjanti li l-ewwel u qabel kollox jiġi buthom.
Salvu Mallia