[Ara filmat] Il-Gvern se jsaħħaħ idejn il-Kummissjoni dwar il-vjolenza domestika

F’għeluq l-għaxar anniversarju mit-twaqqif tagħha, il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika tellgħet konferenza dwar il-vjolenza domestika u t-tfal.F’messaġġ  imxandar fil-ftuħ, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli qalet li l-vjolenza domestika spiss isseħħ wara bibien magħluqa, li iżda l-impatt tagħha huwa ferm aktar wiesa’ fil-kumplament tas-soċjetà.

Il-Ministru Dalli semmiet kif fid-dawl tar-rakomandazzonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, il-gvern beda proċess leġislattiv u politiku sabiex itejjeb il-liġijiet u l-istrutturi Maltin li jgħinu l-vittmi ta’ vjolenza domestika. “Dan il-proġett ser ikun wieħed li ser ikun ikkumplimentat b’pakkett ta’ policies edukattivi li għandhom iħallu impatt reali fuq il-vittmi ta’ vjolenza domestika” qalet il-Ministru Dalli.

Il-Ministru Dalli semmiet kif wara għaxar snin, il-gvern jemmen bis-sħiħ li wasal iż-żmien li l-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika tingħata rwol aktar b’saħħtu u influwenti fis-soċjetà tagħna u li l-ligi tkun tkopri vjolenza abbazi tal-ġeneru.

Il-Ministru Dalli fissret kif il-Kummissjoni se jkollha l-possibilità ta’ impatt aktar dirett fil-ħajja tal-vittmi li jersqu lejha għall-għajnuna. Dan għaliex il-mandat tal-Kummissjoni mhux se jibqa’ biss relatat mal-vjolenza domestika, imma se jitwessa sabiex jinkludi wkoll vjolenza abbażi tal-ġeneru skont il-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

Iċ-Chairperson tal-Kummissjoni Dr Yana Micallef Stafrace semmiet kif it-tfal spiss jispiċċaw preżenti waqt każijiet ta’ vjolenza domestika fejn anke jistgħu jisfaw abbużati b’mod dirett. Qalet li esperjenzi bħal dawn jaffetwaw lit-tfal u ma nistgħux ninjoraw sitwazzjonijiet bħal dawn. Dr Micallef Stafrace spjegat kif bħala parti mill-kampanja t’għarfien li tniedi kull sena dwar il-vjolenza domestika, din id-darba l-Kummissjoni għażlet li torganizza kompetizzjoni tat-tpinġija fost studenti tal-iskejjel primarji u sekondarji biex tippromwovi relazzjonijiet b’saħħithom, rispett u metodi ta’ kif jissolvew kunflitti lil hinn minn kull vjolenza.

B’kollaborazzjoni mal-Kummissarju għat-Tfal, din is-sena se jkunu t-tfal infushom li se jieħdu rwol prinċipali fil-kampanja bl-isem ta’ ‘Le għall-vjolenza domestika’ permezz tat-tpinġijiet tagħhom u li se jidhru fl-iskejjel, bus shelters kif ukoll se jittellgħu fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni. Il-Kummissarju għat-Tfal Pauline Miceli spjegat kif filwaqt li huwa ta’ detriment kbir għat-tfal li dawn jibqgħu jgħixu f’sitwazzjonijiet vjolenti, fl-istess ħin, dar li toffri kenn temporanju (shelter) mhix l-aħjar għażla. Dan iċ-ċaqliq minn darhom iċaħħadhom mill-opportunità li jikbru fl-ambjent familjari li jkunu jafu.

Hija saħqet li mhuwiex biżżejjed li niddefendu d-dritt tat-tfal u l-adulti li jgħixu f’ambjent familjari pożittiv mingħajr it-theddida ta’ vjolenza domestika. Il-Kummissarju għat-Tfal qalet li jeħtieġ tittieħed azzjoni biex dan id-dritt jitħares. Ikun iktar għaqli u ġust mat-tfal jekk min ikun qiegħed iwettaq il-vjolenza fid-dar jinqala’ 'l barra u mhux il-kuntrarju.

More in Politika