Il-Partit Ewropew EPP li miegħu huwa affiljat il-PN, fi stqarrija qal li d-demokrazija Maltija tinsab taħt theddida.
L-EPP qal li bħala grupp parlamentari Ewropew, jikkundanna bl-aktar mod qawwi d-deċiżjoni li d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi jitressaq il-Qorti fuq kummenti li kien għamel kontra l-eks-Kummissarju tal-Pulizija, Peter Paul Zammit.
Iċ-chairman tal-EPP Manfred Weber qal, li dan mhux aċċettabbli u bħala stat tal-UE, "hemm limiti għal kemm dan il-Gvern Laburista jista' jibqa' sejjer fit-triq tal-poter, mingħajr ma jagħti kas id-drittijiet tal-bniedem. Din hi xi ħaġa inkredibbli li Shadow Minister tal-Ġustizzja jittieħed il-Qorti għal xi ħaġa li kien qal fil-kapaċità tiegħu ta' Shadow Minister."
Weber kompla jgħid li dan mhux aċċettabbli u l-EPP se jkunu qed jiddefendu liċ-ċittadini Maltin kontra dan il-Gvern. "Minn meta fl-Ewropa sirna ntellgħu shadow minister il-Qorti għal xi ħaġa li qal, b'riskju li jintefa' tliet xhur il-ħabs? U ejja ma nitmejlux bina nfusna, għax wara dan kollu hemm il-Gvern jaġixxi."