Il-Patrijotti se jtuha għall-elezzjoni

Marlene m’għadhiex waħedha għat-tielet partit

L-ILLUM għandha informazzjoni li din il-ġimgħa, preċiżament nhar il-Ġimgħa li ġej, l-Għaqda Patrijotti Maltin, magħrufa għall-kritika voċifera tagħha kontra l-immigrazzjoni, kontra dik li ssejħilha l-integrazzjoni ‘sfurzata’,  kif ukoll ma’ ġesti relatati mal-perżut, se tkun qed tħabbar li se tikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Mal-ILLUM, Henry Battistino, li huwa kelliem ewlieni tal-istess għaqda, la kkonferma u lanqas ċaħad l-informazzjoni li għandha din il-gazzetta għalkemm ikkonferma li nhar il-Ġimgħa, l-għaqda se tkun qed toħroġ invit għall-midja biex tħabbar “żvolta importanti.” Mistoqsi x’inhi din l-iżvolta huwa qal li ma xtaqx jikkumenta għalkemm qal ukoll li se tkun, “xi ħaġa importanti għall-pajjiż”, li skontu għandu “l-futur tiegħu mhedded.”

Is-sorsi li tkellmu mal-ILLUM qalu wkoll li l-istess għaqda ilha għal dawn l-aħħar xhur tfittex persuni li jistgħu jieħdu f’idejhom it-tmexxija tagħha biex din tkun iktar organizzata u preparata għal kampanja elettorali f’temp ta’ sentejn u nofs.

Din il-gazzetta hija infurmata wkoll li hemm min huwa lest li jiffinanzja lill-għaqda biex din tkun tista’ tmexxi kampanja elettorali u twassal il-messaġġ tagħha, li s’issa dejjem kien iffukat fuq kwistjoni waħda, jiġifieri dik tal-immigrazzjoni.

Is-sorsi li tkellmu magħna qalulna li l-vojt li ħolqot id-diżillużjoni fiż-żewġ partiti politiċi, bħalissa qed twassal biex numru ta’ għaqdiet u persuni b’ideoloġiji politiċi differenti jippruvaw jaraw kif se jimlew dak l-stess vojt. “Il-kwistjoni mhux se tkun jekk hux se jkun hemm partit ġdid, jew forza ġdida. Il-kwistjoni kollha se tkun liema se jkun dan il-partit ġdid.”

L-istess sorsi li tkellmu magħna wrew ukoll l-inkwiet serju tagħhom għal dak li se jkunu qed iħabbru l-‘patrijotti’ nhar il-Ġimgħa. “M’għandniex għalfejn inkunu sorpriżi li l-lemin estrem se joħroġ għall-elezjoni f’pajjiżna. Dan qed jiġri fl-Ewropa kollha. Imma għax qed jiġri fl-Ewropa kollha, ma jfissirx li mhux perikoluż. Huwa perikoluż li jkollok partit li se jkollu għajta simili għal dik ta’ Le Pen fi Franza u Farage fir-Renju Unit.”

Minkejja dan, ta’ min wieħed ifakkar li l-attentat tal-Għaqda Patrijotti mhux se jkun l-ewwel tax-xorta tiegħu hekk kif partiti simili, li kellhom l-immigrazzjoni bħala l-bażi tal-politika tagħhom, diġà kienu pparteċipaw f’elezzjonijiet oħrajn bi ftit li xejn suċċess.

Bla suċċess fl-elezzjoni ġenerali

Fil-fatt, ħarsa lejn l-elezzjoni ġenerali tal-2008 turi kif il-Partit Azzjoni Nazzjonali mmexxi minn Josie Muscat, kien ġab biss 1,461 vot, jew 0.5% tal-voti validi mitfugħa. Il-Partit li kien iktar lejn il-lemin minn Azzjoni Nazzjonali, jiġifieri Imperium Europa mmexxi mill-estremista lemini Normann Lowell lanqas biss kien akkwista 100 vot. Fil-fatt kien ġab 84 voti b’kollox.

Fl-2013 dawn il-partiti ma’ ħarġux għall-elezzjoni.

Iktar voti fl-elezzjonijiet tal-PE

Minkejja dan, l-affarijiet kienu xi ftit iktar differenti meta l-pajjiż kien mitlub jivvota f’elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Hawnhekk, għalkemm is-suċċess xorta kien limitat ħafna, il-voti lill-partiti tal-Lemin kienu aktar, probabbilment riżultat ta’ voti ta’ protesta.

Fil-fatt fl-aħħar elezzjoni għall-Parlament Ewropew fl-2014, Imperium Europa kienu ġabu 6,761 vot, jew 2.6% tal-vot totali, bil-maġġoranza kbira tagħhom imorru għand Lowell. Fl-2009 l-istess partit ibbażat fuq l-ideoloġija leminija kien akkwista 3,637 vot.

L-Azzjoni Nazzjonali kienet kisbet aktar voti fl-2009 u kisbet 202 vot biss fl-2014.

 

Laqgħat sas-2:00am imma l-ebda deċizjoni finali

Intant, l-ILLUM tista tiżvela wkoll li saret maratona ta’ laqgħat fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd bejn Marlene Farrugia u gruppi ta’ nies dwar il-ħolqien ta’ partit ċentru-xellugi.

Din il-gazzetta hija nfurmata li minkejja li dawn il-laqgħat baqgħu għaddejjin sas-2:00am baqa’ ma kien hemm l-ebda deċiżjoni finali u deċiżiva dwar diversi punti saljenti li jirrigwardaw ideoloġija u politiki.

 

 

More in Politika