Membri tal-FIFA, Messi u r-Re tal-Arabja Sawdija fost il-persuni b’kontijiet fil-Panama

L-akbar leak ta' informazzjoni turi mhux biss politikanti imma persuni qribhom u anka sportivi fost l-oħrajn

Membri tal-FIFA, Messi u r-Re tal-Arabja Sawdija b'kontijiet sigrieti fil-Panama
Membri tal-FIFA, Messi u r-Re tal-Arabja Sawdija b'kontijiet sigrieti fil-Panama

L-akbar leak ta’ informazzjoni ta’ iktar minn 11-il miljun fajl, ħarġet fil-beraħ l-arranġamenti finanzjarji ta' miljuni ta’ nies li għandhom kontijiet sigrieti fil-Panama: ta' wħud mill-iktar nies sinjuri u li għandhom poter fid-dinja. Dan il-leak, li ħareġ mill-ICIJ (Internal Consortium of Investigative Journalists) wera l-kontijiet kollha li kienu amministrati mill-kumpanija legali Mossack Fonseca, liema kumpanija għandha uffiċċju rappreżentattiv f’Malta.

It-trażazzjonijiet fihom infushom, jistgħu jkunu legali, però l-ammont ta' ftehimiet u arranġamenti kemxejn dubjużi, joħolqu ambjent fejn azzjonijiet illegali huma moħbija faċilment.

Dawn il-files jinkludu informazzjoni fuq 140 politikant minn 50 pajjiż, u fost dawn in-nies hemm bosta persuni f’karigi importanti madwar id-dinja fosthom Prim Ministri, Presidenti, Rejiet u familjari ta’ Ministri.

Fost dawn in-nies wieħed jista’ jsib il-Prim Ministru tal-Arġentina, l-Ukraina u tal-Iżlanda, li qed jaffaċċja kritika ħarxa u anke talbiet tar-riżenja tiegħu fuq tali kontijiet. Jidhru wkoll mexxeja oħra, fosthom ir-Re tal-Arabja Sawdija, li huwa pajjiż fejn hu magħruf għan-nuqqas ta’ libertajiet u drittijiet tal-bniedem.

Fil-lista, wieħed isib ukoll bosta familjari u nies viżini ta’ persuni fil-poter, fosthom missier il-Prim Ministru Ingliż, David Cameron,  it-tifla tal-Prim Ministru Ċiniż u diversi nies qrib il-President Russu Vladimir Putin.

In-nies f’dawn il-listi ma jifqux biss madwar nies fil-politika jew b’konnessjonijiet politiċi iżda wkoll ma’ persuni oħra lil hinn. L-ismijiet jiżvelaw numru ta’ nies qrib il-FIFA li wkoll kellhom kontijiet sigrieti fil-Panama, fosthom Michel Platini. Kien hemm ukoll kxif ta’ ħidma bejn il-kumpanija legali ta’ Juan Pedro Damiani, li huwa membru tal-kumitat tal-etika tal-FIFA u tliet persuni li kienu fin-nofs ta’ skandli tal-FIFA, fosthom l-eksviċi President tal-FIFA Eugenio Figuerdo u nies mixlija b’tixħim għal drittijiet tax-xandir.

Il-plejer Arġentin Lionel Messi, wkoll jinsab f’din il-lista ta’ persuni b’kontijiet sigrieta flimkien ma’ missieru li huwa l-aġent tiegħu. Huma jidhru fil-lista li ħolqu kumpanija fil-Panama, bl-isem ta’ Mega Star Enterprises. Messi ġie investigat fil-passat minn awtoritajiet Spanjoli fuq evażjoni tat-taxxa, fejn kellu jħallas l-ammonti dovuti bejn l-2007  l-2009.

Minbarra l-Panama, hemm diversi pajjiżi oħra, li jqarrbu s-sittin li wkoll huma postijiet fejn attività simili bħal Panama, huma suspetti li jsiru fosthom ta’ evażjoni tat-taxxa.

More in Politika