Busuttil: 'Il-Partit Laburista għandu jneħħi l-ħmieġ mit-tmexxija tiegħu'

'Intenzjoni ċara li  Konrad Mizzi ried idaħħal flus minn tixħim u korruzzjoni' jgħid Simon Busuttil li fid-dawl tal-aħħar żviluppi jitlob lil Muscat biex ikeċċi lil Konrad Mizzi u Keith Schembri "jew jitlaq hu stess"...jgħid li Keith Schembri huwa "kodard"

Fl-ewwel reazzjoni għal dak żvelat  minn Mossack Fonseca u dak li sejjaħlu bħala "l-akbar skandlu ta' korruzzjoni fl-istorja tad-dinja" l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Simon Busuttil akkuża lill-Gvern li "ħammeġ isem pajjiżna mad-dinja kollha". F'konferenza fil-Belt Valletta huwa m'eskludiex li jieħu kull azzjoni fil-konfront ta' Konrad Mizzi u Keith Schembri, għalkemm saħaq li l-Prim Ministru m'għandux bżonn jistenna lill-PN biex iressaq mozzjoni ta' sfiduċja imma għandu jkun hu stess li jneħħi lil Konrad Mizzi u Keith Schembri. "Il-Partit Laburista għandu jneħħi l-ħmieġ mit-tmexxija tiegħu" sostna Busuttil. 

 Il-Kap tal-PN qal li Konrad Mizzi huwa "l-uniku Ministru msemmi fid-dokumenti minn l-UE, Ministru li f'Malta ħa ħsieb il-kuntratti importanti u kbar ta' dan il-Gvern li baqgħu kollha sigrieti."  Busuttil qal illi Keith Schembri huwa "kodard" għax ma fetaħlux libell.

"Bħalhom inqabdu wkoll id-Dittatur tal-Ażerbaijan, li miegħu Mizzi u Schembri, flimkien mal-PM iltaqgħu u hemm nies qrib l-eks dittaturi Hosni Mubarak, u Gaddafi kif ukoll ta'  Bashar Al Assad."

"Dan il-Gvern avveliena mad-dinja kollha" qal Busuttil, li fakkar kif f'diversi pajjiżi, fosthom fl-Iżlanda u l-Ukrajna hemm talbiet għar-riżenji. "Imma f'Malta Muscat għadu ma ta' l-ebda reazzjoni."

Huwa qal li l-poplu sar jaf gidba ġdida illum, "issa sirna nafu li pruvaw jiftħu kontijiet f'mill-nqas żewġ pajjiżi, imma ma rnexxilhomx  għax il-banek ma fetħuhomx. Ma fetħuhomx għax riedu jserrħu moħħhom li l-flus mhux ġejjin mill-korruzzjoni, li l-flus saru qabel daħlu fil-poter. Il-banek", kompla Busuttil, "riedu jkunu jafu x'jiġifieri li Mizzi u Schembri qalu li l-flus ġejjin minn senserija." Il-Kap tal-PN qal li meta applikaw, irriżulta li Mizzi u Schembri qalu lill-banek li dan il-kont qed joħolqu  biex ipoġġi flus minn "konsulenza u senserija". Allura waqt li int Ministru, x'senserija ridt idaħħal jekk mhux tixħim u korruzzjoni? Forsi senserija fuq il-bejgħ tal-Power Station, fuq il-bejgħ tal-Isptar t'Għawdex? Forsi senserija fuq ix-xiri tal-gass għall-Power Station il-ġdida?" 

 

 

 

 

More in Politika