Waqt il-programm Ma' Bundy ilbieraħ l-opinjonista Godfrey Grima saħaq illi l-każ tal-Panama qed ikun ta' dannu kbir għall-Partit Laburista. "Li għamlu ħażin Konrad Mizzi u Keith Schembri huwa li qajmu r-rabja tal-poplu bil-konsegwenza illi l-Partit Laburista qed jaqla' ġo l-istonku, ġo snienu u kullimkien. Dawn l-istejjer (relatati mal-Panama) qed jagħmlu dannu kbir lill-Partit Labursita" saħaq Grima.
Minkejja dan iżda, l-istess opinjonista fakkar kif s'issa "kull m'hemm huma suspetti. Is-suspetti huma tajbin biex jinbiegħu mill-politiċi kontra l-politiċi l-oħrajn, imma l-midja", kompla Grima, "qegħda hemm biex tbiegħ il-fatti mhux is-suspetti u jekk trid ikollok stampa aħjar tal-fatti trid tkellem liż-żewġ naħat. Jien kellimtu lil Mizzi."
Grima qal illi l-verżjoni ta' Konrad Mizzi kienet illi hu qatt ma ta' istruzzjonijiet biex jinfetħu kumpaniji la l-Panama u lanqas d-Dubai, imma li kien is-service provider tiegħu illi qallu biex jagħmel dan. "Issa bejn dak li qed jgħid Mizzi u l-akkuża illi dan flimkien ma' Keith Schembri marru biex jiftħu kont id-Dubai hemm 'wied' li għadu vojt. Wied li jeħtieġ jimtela bil-fatti.
Grima qal illi dak li ħareġ s'issa fil-fatt jiskolpa lil Mizzi għax filwaqt li ħafna oħrajn fetħu kontijiet tal-bank Mizzi fetaħ kumpanija. "L-istorja mhux maħmuma, għad iridu l-fatti" jgħid Grima. Waqt dan il-programm, flimkien ma' Frank Portelli huwa qal li Konrad Mizzi għandu jfajjar il-libelli jekk m'għandux x'jaħbi. Frank Portelli qal illi jekk Konrad Mizzi jħoss li Mossack Fonseca mhux qed jgħidu l-verita' għandu jtellagħhom l-Qorti.
Fil-fatt skont id-dokumenti ta' Fonseca jirriżulta illi l-kont tal-bank fid-Dubai ma' nfetaħx għax m'għaddewx mid-Due Diligence, skont ittra mibgħuta minn Mossack Fonseca. Dan il-proċess ħa in kunsiderazzjoni li l-flus mhux ġejjin minn korruzzjoni jew li l-flus saru qabel ma kienu fil-politiku. "Ilhom 40 mgħerqin fil-korruzzjoni, allura saru anġli issa Mossack Fonseca?" staqsa Grima.