Minn tal-inqas erba membri tal-Kabinett, jemmnu li l-Ministru Konrad Mizzi għandu tal-anqas jirreżenja mill-kariga tiegħu ta' Ministru.
Dawn il-Ministri huma l-Viċi-Prim Ministru Louis Grech, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella, il-Ministru għall-Ambjent Leo Brincat u l-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo.
Il-gazzetta MaltaToday irrapurtat kif dawn il-Ministru qalu esprimew dan it-tħassib f'laqgħa tal-grupp Parlamentari Laburista nhar it-Tnejn li għadda. Liema laqgħa ġiet imsejħa wara l-leak internazzjonali ta' informazzjoni dwar kontijiet sgrieti fil-Panama, imsejħa bħala 'Panama Papers. Dan il-leak kompla kkonferma kif kemm il-Ministru Mizzi, kif ukoll iċ-chief of staff tal-Prim Ministru kellhom kumpaniji fil-Panama, u trusts fi New Zealand.
Dawn il-ministri sostnew kif persuna pubblika li ġiet eletta mill-poplu, ma tistax tiġġustifika li kellha kumpanija sigrieta f'pajjiż bħall-Panama. Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru insista li il-membri tal-grupp parlamentari tiegħu kellu jkollhom l-opportunità li juru l-opinjoni tagħhom.
Minkejja l-opinjonijiet ta' dawn il-Ministri, il-laqgħa ntemmet bil-grupp parlamentari jaċċetta li r-riżenja ta' Mizzi kienet tfisser li qed tingħata kredibbiltà lill-Oppożizzjoni, li għadha kemm ħabbret protesta nazzjonali oħra, nhar il-Ħadd li ġej.