[Aġġornata] Muscat: 'In-nies bix-xogħol jieklu, mhux bil-protesti'

Joseph Muscat jgħid illi meta tasal l-elezzjoni sentejn u nofs oħra l-poplu se jkollu għażla: Bejn proposti u riżultati fuq naħa, u tajn u akkużi fuq in-naħa l-oħrajn

PM Joseph Muscat
PM Joseph Muscat

Il-Prim Ministru ilejla reġa saħaq illi minkejja li l-PN qed jipprova jgħolli t-temperatura politika, l-elezzjoni se "tiġi fi żmienha, sentejn u nofs oħra. Fullstop u mbagħad nibdew fresh start."  

Waqt li kien qed jitkellem fuq il-programm Arena fuq ONE TV il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat sostna li filwaqt illi se jżomm f'moħħu l-fatt li dak li ħareġ fid-dokumenti ta' Mossack Fonseca jikkonfermaw dak li qal Konrad Mizzi, sostna wkoll li hu qed jisma' dak li qed jgħidu n-nies u sentimenti hawn barra. "Qed nisimgħu u se niddeċiedu" qal Muscat li reġa tenna li se "nieħdu d-deċiżjoni li hemm bżonn tittieħed." 

"Din hija fażi li rridu ngħixu biha, rridu nisimgħu minn nies, ma nibnux ħitan." Joseph Muscat

Il-PM Muscat qal illi meta tasal l-elezzjoni ġenerali "sentejn u nofs oħra"  il-poplu se jkollu l-għażla bejnu bil-proposti u r-riżultati fuq naħa u t-tajn u l-akkużi ta' Simon Busuttil. "Din hija fażi li rridu ngħixu biha, rridu nisimgħu minn nies, ma nibnux ħitan." Minkejja kollox Muscat qal li l-ħidma tiegħu hija kkonċentrata fuq il-ħolqien tal-ġid u tax-xogħol, "għax in-nies bix-xogħol jieklu, mhux bil-protesti".

Dwar dak li ġara quddiem il-Qorti illum, fejn il-ġurnalist u kap tal-Aħbarijiet tal-ONE Aleander Balzan safa' aggredit minn attivist Nazzjonalist waqt li kien se jagħmel mistoqsija lil Simon Busuttil, Muscat sostna illi "huwa sinjal mhux sabiħ illi waqt dimostrazzjoni dwar il-liberta' tal-espressjoini jsir attakk fuq ġurnalisti li qegħdin fuq xogħolhom." 

 

Il-poplu mhux paroli fuq is-Super One irid

Fi stqarrija l-PN qal li flok ħabbar it-tkeċċija ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri, Joseph Muscat mar fuq is-Super One jiddefendi l-kumpaniji sigrieti li fetħu fil-Panama dawn l-aktar żewġ persuni viċin tiegħu.  Madanakollu, Muscat ħeba għal kollox il-fatt li Konrad Mizzi u Keith Schembri nqabdu li għamlu pressjoni fis-sajf li għadda biex jiftħu kontijiet sigrieti fid-Dubaj u fil-Panama, u li qalu li riedu dawn il-kontijiet għal consultancy and brokerage, jiġifieri konsulenza u senserija.

"Il-poplu Malti u Għawdxi mhux diskorsi fuq is-Super One jrid, imma li jitkeċċew Konrad Mizzi u Keith Schembri. Jekk se jibqa’ ma jkeċċihomx, Muscat għandu jitlaq hu," qal il-PN. 

 

 

 

 

 

More in Politika