Wara d-diskors tal-lejla ta' Konrad Mizzi l-attenzjoni kollha se taqa' fuq il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat. Minkejja li l-Ministru Mizzi sostna, waqt il-Konferenza Ġenerali tal-Labour, li għaddej minn żmien ta' "kunflitt intern" huwa xorta ma offriex ir-riżenja tiegħu u minflok tefa' l-piż tal-futur politiku tiegħu kollu fuq il-PM u Mexxej Laburista Joseph Muscat.
Sa qabel id-diskors ta' Mizzi kien mifhum li l-PL u l-Gvern se jkompli għaddej mingħajr ebda riżenja, sakemm l-istess Kontad Mizzi ma jinqabadx li gideb. Ilejla, anke jekk reġa qal li m'għamel xejn ħażin, Konrad Mizzi qal ukoll illi jifhem li hemm bosta nies li huma rrabjati bħalissa u li l-PL ma jistax jinjora dan. Minkejja dan, Mizzi baqa' lura milli jiddikjara li se jirreżenja u ħalla f'idejn il-PM biex jiddeċiedi.
Dan poġġa l-attenzjoni kollha fuq Muscat, issa li se jkun mistenni li jiddeċiedi b'mod definittiv il-futur ta' Mizzi, fil-ġranet li ġejjin, b'mod speċjali wara li tkun ippublikata l-investigazzjoni fir-rigward tat-trust u l-kumpanija tal-istess Mizzi fil-Panama.