Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo, ħeġġeġ il-Gvern biex jinħoloq xi tip ta' reġistru pubbliku li fih ikunu rreġistrati dawk il-kumpaniji u trusts li jinsabu barra mill-pajjiż, partikolarment f'pajjiżi bħalma huma l-Panama u l-British Virgin Islands.
Il-Ministru Bartolo qal dan fid-diskors tiegħu tal-bieraħ waqt il-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista, li kien wieħed miż-żewġ kelliema li fid-diskors tiegħu, għamel referenza għall-każ tal-Panama Papers. Il-kelliem l-ieħor kien id-deputat mexxej tal-PL Louis Grech li qal li issa din hija deċiżjoni li jrid jeħodha l-Prim Ministru.
"Din hija storja kbira li qed tibdel id-dinja u s-settur tas-servizzi finanzjarji internazzjonali. L-effett se jkun wieħed li qatt ma kien hemm bħalu qabel, u hija xi ħaġa li jeħtieġ nindirizzaw, mhux biss f'termini politiċi," sostna Bartolo.
Dwar dan ir-reġistru, Bartolo qal li l-obbligazzjoni, ma tkunx biss fuq il-politiċi, imma fuq kull min ikollu kumpanija jew trust f'pajjiżi meqjusa bħala tax havens, anke jekk l-istruttura tagħhom tista' tkun waħda legali."
Huwa sostna li l-grupp parlamentari Laburista se jkun qed jimxi wara l-Prim Ministru fil-vot ta' sfiduċja li ppreżenta l-Partit Nazzjonalista fil-Parlament.
Il-konferenza ġenerali annwali mistennija tintemm għada l-Ħadd, bid-diskors tal-mexxej tal-PL, Joseph Muscat.