Waqt li kien qed jipparteċipa fil-programm ‘Għandi xi Ngħid’ fuq Radju Malta l-President Emeritus George Abela saħaq illi huwa importanti, matul iż-żmien li qegħdin fih, “li kontinwament inżommu f’moħħna illi Gvern jitla’ għal ħames snin.” Filwaqt li fakkar kif hu dejjem hekk kien jemmen, tant li kien oppona elezzjoni bikrija fl-1998, saħaq illi “dan il-fatt jeħtieġ jiġi rispettat.”
George Abela wissa biex bħala pajjiż “ma nibdewx indaħħlu f’moħħ in-nies li t-terminu ta’ ħames snin li għalih ikun elett Gvern nistgħu nnaqsuh.” Abela jisħaq illi fejn il-verdett tal-poplu biex partit jiggverna għal ħames snin ma kienx rispettat “inħoloq l-inkwiet.”
F’dik li tista tkun botta sottili lejn il-Kap tal-Oppożizzjoni, Abela sostna illi huwa importanti li “min jaspira li jkollu l-kariga ma jsibx ruħu f’din is-sitwazzjoni.” Għal dan il-preżentatur tal-programm Andrew Azzopardi staqsa jekk il-Partit Nazzjonalista hux qed jeseġera fil-mod kif qed jopponi lill-Gvern, bir-risposta immedjata ta’ Abela tkun li hu ma jidħolx fil-kalkoli politiċi. “Li nista ngħid huwa li bħalissa t-temperatura politika hija għolja u din il-kwistjoni ma baqgħetx fit-territorju Malti imma ħarġet lilhinn minn pajjiżna. Din għandha tixgħel bozza ħamra,” sostna Abela.
Mitlub jitkellem direttament dwar il-każ ‘Panama’ li bħalissa jinsab fuq nett tal-aġenda politika, Abela qal illi bħalissa pajjiżna għaddej minn ċerti diffikulatjiet. “Aktar kemm ittawwal, agħar hija s-sitwazzjoni għall-pajjiż. Wieħed irid jiddeċiedi, jekk xejn biex jinqatgħu l-ispekulazzjonijiet.”
Il-President Emeritus qal illi min qiegħed fil-poter diġa jaf bil-fatti madwar dan il-każ, imma sostna li “trid timxi fuq il-fatti mhux fuq is-sentiment, fuq fatti stabbiliti li dwarhom tieħu deċiżjonijiet.”
Abela jgħaddi botti kritiċi wkoll lejn kif il-każ tal-‘Panama’ qiegħed indirizzat u kif jirriżulta li kien min jaf minn qabel dwar fatti. “Imma għal darb’oħra tittardja, iva. Taħrab, le.”
Abela saħaq għal bosta drabi waqt l-istess programm dwar l-importanza li jinħoloq forum magħmul minn nies li kienu fil-politika, fosthom ukoll Presidenti Emeriti, li jkun hu stess lilhinn minn kull dubju u appoġġ u li jkollu d-dritt jiddeċiedi f’każijiet bħal dak li għaddej bħalissa. Abela sostna illi bħalissa kollox jiddependi fuq l-awro-dixxiplina tal-Gvern u kull deċiżjoni jew reazzjoni hija mibnija fuq il-kalkoli politiċi, li jagħmlu l-partiti. Huwa saħaq illi l-ideal huwa li politiku jinduna huwa stess x’inhu tajjeb u ħażin. “Trid tinduna int x’inhu tajjeb jew ħażin, tiġi minnek innifsek u jekk għandi fibra morali, nkun jien stess li nieħu deċiżjoni.”
La l-każ ta’ Jason Azzopardi ġie quddiem il-Qrati, mela għandna nħallu l-proċess ta’ din l-istituzzjoni li aħna nafdaw fiha tieħu l-proċess kollu u wara nirrispettaw id-deċiżjoni tal-Qorti
George Abela
Abela tkellem dwar l-importanza li jkun meqjus l-interess nazzjonali. “Hija responsabilita’ tan-nies li jistgħu jagħmlu d-differenza li jħarsu l-interess nazzjonali, mhux li jippruvaw jirbħu punti politiċi, għall-immedjat."
Dwar l-inċidenti li nqalgħu aktar kmieni din il-ġimgħa, fejn grupp ta’ attivisti Nazzjonalisti nġabru quddiem il-Qorti, b’numru minnhom jattakkaw lill-ġurnalisti tal-ONE, il-President Abela qal li anke din kienet parti mill-kalkoli politiċi li jagħmlu l-partiti. “Irridu noqgħodu attenti, la l-każ ta’ Jason Azzopardi ġie quddiem il-Qrati, mela għandna nħallu l-proċess ta’ din l-istituzzjoni li aħna nafdaw fiha tieħu l-proċess kollu u wara nirrispettaw id-deċiżjoni tal-Qorti.”
Abela fakkar kif kien il-kap tal-Oppożizzjoni stess li qal kif hu kien se jmur sal-Qorti Ewropea jekk ma jkollux sodisfazzjon bis-sentenza mogħtija mill-Qorti ta’ pajjiżna. Din turi, qal l-President Emeritus, illi dawn affarijiet li jiġu riżolti fil-qrati mhux bit-toroq.