Xafra jekk ineħħieh, xafra jekk iżommu

“Il-PN u Busuttil tefgħu lil Muscat f’kamp ta’ battalja, fejn kull għajta minn Muscat biex Mizzi jitlaq tkun meqjusa bħala telfa u falliment”

 

Mhux qed ngħiduha aħna, qalha diġà l-eknomista veteran Karm Farrugia ma’ din il-gazzetta, li l-Gvern u l-Partit Laburista bħalissa jinsabu fi sqaq politiku. Kif kienu prevedew bosta fid-dinja tal-politika u tal-midja lokali il-każ tal-kumpanija fil-Panama ta’ Konrad Mizzi mhux wieħed li se jorqod malajr, u fil-fatt lanqas laħqu bdew jikkalmaw l-ilmijiet li ma reġax qam ‘tsunami’ mal-ħruġ ta’ miljuni ta’ dokumenti mill-kumpanija Mossack Fonseca.

Dak li ħareġ s’issa huwa magħruf minn kulħadd. It-tielet att ta’ din it-traġedja politika li tefgħet lill-Gvern preżenti f’urugan li ħadd ma jaf meta se jmut, titratta l-kont f’Dubai li ma nfetaħx. Min jgħid li ma nfetaħx għax Konrad Mizzi ma riedx, filwaqt li d-dokumenti ta’ Mossack jgħidu li ma nfetaħx għax Mizzi u Schembri m’għaddewx mid-‘due diligence’, jew it-test li kien jistaqsi minn fejn ġew il-flus u jekk l-istess flus li kienu se jintefgħu fil-kont sarux qabel jew wara li Mizzi daħal fil-politika.

Anke jekk huwa rillutanti li l-Gvern jaċċetta li bħalissa għaddej mill-aktar mument diffiċli u ta’ sfida mill-2013, irid jifhem li jekk ma joqgħodx attent, jista’ jimmassimizza l-ħsara sal-punt li l-Partit Laburista jitlef l-elezzjoni li ġejja. Dan huwa, fir-realtà, dak li jissejjaħ ‘the defining moment’ tal-Gvern preżenti u kif se jirreaġixxi fil-ġranet u ġimgħat li ġejjin, se jkun qed jissiġilla kważi għal kollox, il-perċezzjoni tal-votanti dwar dan il-Gvern kif ukoll il-mod li bih il-Partit Laburista se jirbaħ jew jitlef l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

F’dan il-mument kritiku, għall-ewwel darba fil-karriera pjuttost stellari tiegħu s’issa, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat mhux qed jikkonvinċi biżżejjed u qed ikun imdallam b’assertività, xi kultant feroċi żżejjed, tal-Kap tal-PN Simon Busuttil (ara l-analiżi dwar il-PN bħalissa l-ġimgħa d-dieħla).

Allura l-Prim Ministru u l-Gvern x’għażliet għandu biex jirriverjsa minn  dan l-isqaq? U x’effett, momentarju jew fit-tul, jista’ jkollha kull għażla li jieħu Muscat?

 

L-ewwel għażla – U iva, issa tmut!

L-ewwel għażla li jista’ jieħu l-Gvern u li s’issa deher li kienet il-favorita tiegħu hija li jitħalla żmien biżżejjed sakemm joħorġu r-riżultati tal-investigazzjoni, li jidher ċar minn issa li se jkunu qed juru li Mizzi qatt ma kellu flus f’dan it-‘trust’. L-effett negattiv li kellha l-kwistjoni fuq l-immaġini ta’ Mizzi u d-dellijiet tad-dubju, qed jiġu kważi injorati bl-argument ta’ x’inhu legali u x’mhux.

Il-Gvern jidher li qed jittama li ladarba jkun stabbilit li Mizzi m’għamel xejn kontra l-liġi sa dakinhar li din il-kwistjoni ħarġet, mela allura jkun jista’ jiġi skolpit u biż-żmien, in-nies jinsew.

Din l-għażla diġà ppruvat li hija l-agħar u l-aktar waħda elettoralment riskjuża. Hekk kif il-każ Panama kienu donnu beda jieħu inqas importanza, ħarġu l-leaks ta’ Mossack Fonseca, li reġgħu tefgħu lill-Gvern u l-Minstru Mizzi, elf pass lura. Hija għażla perikoluża, għax kif qal Godfrey Grima din il-ġimgħa fil-programm radjofoniku ta’ John Bundy , “din il-kwistjoni mhux maħmuma” u “għad hemm ‘wied’ bejn il-verżjonijiet differenti, li għad irid jimtela bil-fatti.”

Issa jekk dan il-vojt li semma’ Grima hux se jimtela’ b’fatti li se jagħtu palata lil Mizzi jew jitfgħuh f’infern ikbar, ma nafux. U apparti li ma nafux x’inhuma, ma nafux anqas meta se joħorġu. Ir-riskji ta’ din l-għażla huma kbar u jistgħu jgħarrqu minflok jirranġaw is-sitwazzjoni. Il-Gvern ma jirbaħ krettu mingħand ħadd u l-emorraġija mil-Labour tkun waħda gravi, li diffiċli ddawwar.

 

It-tieni Għażla: Konrad...barra!

It-tieni għażla hi li Joseph Muscat ikeċċi hu lil Konrad Mizzi, u jagħmel dan b’mod pubbliku. Din hija triq li l-Gvern ma jixtieqx jieħu, l-aktar minħabba raġunijiet purament partiġġjani.

Mhux sigriet li d-dikjarazzjoni ta’ “gwerra, gwerra, gwerra” ta’ Alfred Sant, illum qed issir bl-aktar mod apert u ovvju mill-PN. Fi gwerra m’hemmx kompromessi, u l-PN u Busuttil tefgħu lil Muscat f’kamp ta’ battalja, fejn kull għajta minn Muscat biex Mizzi jitlaq tkun meqjusa bħala telfa u falliment.

Dan huwa sentiment li qed jinħass fit-triq ukoll, fejn bosta Laburisti, issa qed jaraw li kull talba ta’ Muscat għar-riżenja ta’ Mizzi hija rebħa Nazzjonalista, f’mument hekk delikat politikament.

Min-naħa l-oħra, din l-għażla tista’ turi li Muscat għadu jdejh fuq it-tmun u li ma tilef xejn mill-kontrol li dejjem kellu kemm bħala Mexxej, u bħala Prim Ministru. Li jkun hu li apertament jitlob għat-tneħħija ta’ Mizzi tista’ tkun l-aktar deċiżjoni politika diffiċli li Muscat kellu jieħu fi snin twal, speċjalment fid-dawl tal-fatt li Konrad Mizzi għandu bosta kwalitajiet tajbin bħala Ministru u minħabba li fl-oqsma li jmexxi, ġab miegħu ċerta enerġija u anke bidliet.

Il-Prim Ministru għamel premessa li jneħħi lil Mizzi kemm-il darba jirriżulta li dak li allega Simon Busuttil, jiġifieri li dan għandu boroż tal-flus f’dan il-kont, ikun minnu. Fin-nuqqas ta’ dan allura, se jkun diffiċli ferm li Muscat jitlob riżenja minn Mizzi fuq il-bażi tad-dellijiet u d-dubji li ntefgħu fuqu.

Din l-għażla hija waħda diffiċli u li tista’ tirrabja lil bosta fil-partit. Imma jista’ jkun ukoll li dak li jitlef fil-mument, jiksbu matul is-sentejn li ġejjin qabel jerġa’ jidher quddiem l-elettorat.

 

Tielet għażla - Diversiv kbir kontra n-Nazzjonalisti

Il-Prim Ministru għandu għażla oħra. Għandu l-għażla li l-Labour joħloq diversiv kbir u effettiv, li jneħħi l-attenzjoni tal-midja u tan-nies minn fuq dan il-każ. Naturalment, dan ma jneħħix mid-dubji dwar dan il-każ, imma jċaqlaq l-attenzjoni fuq xi ħaġa li hija notevolment ikbar jew daqstant serja fil-gravità.

Il-PL diġà prova jagħmel dan bl-akkużi dwar id-dar ta’ Beppe Fenech Adami. Anke jekk l-akkużi huma serji u huma dwar każ relatat ma’ kwistjoni li kontrieha, l-PN ipprotesta (bini fuq art ODZ), il-każ falla milli jqajjem l-għagħa fost settur kbir tal-poplu li forsi ma jistennix aħjar mill-Partit Nazzjonalista. Il-problema wkoll hija li kien hemm stennijja qawwija tal-każ tal-hekk imsejjaħ ‘Palazz ta’ Beppe’ liema aspettativa ma kinitx milqugħa.

Din l-għażla hija konvenjenti u tajba, jekk il-PL se jħares lejn l-immedjat. Fit-tul, il-PL ma jkun investa xejn, ħlief tefa’ naqra silġ biex iraqqad l-uġigħ għal ftit ħin.

 

Ir-raba’ għażla – Ħarsu lejn il-ġid li qed noħolqu

Il-Gvern jista’ jgħaqqad ftit mill-ewwel għażla u t-tielet għażla li għandu, fir-raba’ waħda. Jiġifieri li jispera li l-każ se jnaqqas ftit mir-ritmu u s-sens ta’ xokk li qajjem fost il-poplu u li joħloq diversiv. Imma minflok diversiv anti-Nazzjonalista li jkompli jgħolli t-temperatura u jikkumplika din il-ġlieda ta’ tajn, jiffoka fuq dawk is-setturi li fihom il-Gvern qed jagħmel suċċess. Jista’ wkoll iħabbar proġett ta’ ċertu portata, li realistikament se jkun qed iħalli effett ekonomiku kbir ħafna, f’termini ta’ investiment u impjiegi.

Minkejja li din l-għażla xorta tħalli lill-Gvern u l-PL miftuħ għax-xorti, u allura hija riskjuża, tkun qed tagħmel ġustizzja mas-suċċessi u kisbiet ta’ dan il-Gvern, li huma bosta, u ġustizzja ma’ dawk il-Ministri li qed jagħmlu suċċess mingħajr dellijiet fuqhom. Il-Gvern jista’ jkun li qed jittama li l-aħħar żewġ baġits ta’ dan il-Gvern se jkunu qed iroxxu biżżejjed ġid, biex jinħoloq aktar ottimiżmu ekonomiku u jdawwar ir-rota dejjem aktar.

Naturalment is-suċċessi fl-edukazzjoni, saħħa, xogħol u turiżmu mhux se jbiddlu jew jirranġaw il-każ Panama, imma jistgħu jrattbu xi ftit ir-rabja u jikkalmaw l-ilmijiet imqallbin ta’ bħalissa. Imma biex il-Gvern iwassal il-messaġġ tiegħu, jeħtieġ jerġa’ ‘jisraq’ ix-xena, li bħalissa qiegħda f’idejn il-PN.

 

Il-Ħames għażla – Konrad jitlaq minn jeddu

Il-ħames għażla hija l-inqas waħda li tagħmel ħsara lill-Prim Ministru Muscat u lill-Partit Laburista fit-tul. Din hija li Konrad Mizzi jirreżenja minn jeddu u minflok, iżomm u jiffoka fuq ix-xogħol tiegħu fil-Partit. Wara d-diskors ta’ nhar il-Ġimgħa li għadda, jidher li din l-għażla tista’ tkun l-inqas waħda possibbli, hekk kif Konrad Mizzi qal li d-deċiżjoni għandu jeħodha l-Prim Ministru. Anke jekk l-istess Mizzi qal, li hu għandu ħafna kunflitt intern. Hija l-inqas waħda li tagħmel ħsara għaliex tneħħi minn fuq il-Prim Ministru l-akkuża li ssir minn eluf ta’ Laburisti jekk jieħu t-tieni għażla, u tneħħi wkoll il-piż minn fuq Konrad Mizzi nnifsu.

Din l-għażla tkun tfisser li Mizzi rrealizza li dan il-każ tefa’ dawl ikrah wisq fuqu, tant li kull ħaġa li tmiss miegħu bħala Ministru se tkun imtappna b’dan il-każ. Minn barra, Mizzi jkun jista’ jaħdem biex jirrestawra l-immaġini mġarrfa tiegħu, liema immaġini bena b’tant suċċess qabel l-aħħar elezzjoni. Hekk ikun jista’ jara l-proġetti li beda hu jsiru realtà, bil-possibbiltà li jieħu l-krettu tagħhom, mingħajr ma jkunu mitfugħin fid-dell ta’ din il-kwistjoni li, ma nafux kif, sa fejn u meta, se tkompli tiżviluppa.

Konrad Mizzi jkun qed jibgħat messaġġ ċar ukoll li għalih, l-ewwel jiġi l-pajjiż u warajh il-partit, mhux il-kariga li jokkupa fil-preżent. Ikun qed jassigura li minflok ikompli jaħraq kull ċans għalih innifsu u għall-prospetti tiegħu, ikun lest jinvesti u jħalli l-kapaċitajiet brillanti tiegħu fl-immaniġġjar għall-Partit Laburista, li qed jiffaċċja kważi revoluzzjoni żgħira minn settur ta’ votanti tiegħu.

Jekk Konrad Mizzi jibqa’ Deputat Mexxej u jpaċi l-gwaj li spiċċa fih il-Partit u l-Gvern minħabba l-kont tiegħu fil-Panama billi jaħdem man-nies u jikseb rebħa ta’ daqs, li bħalissa tista’ tidher impossibbli, ikun wera irġulija u dedikazzjoni lejn il-Partit li eluf kbar ta’ Maltin jgħożżu u eluf oħrajn jivvutaw għalih.

 

 

More in Politika