Louis Galea wara l-istrateġija ta’ Busuttil

Appelli għall-kalma fi ħdan il-PN...biża’ li jintilef il-kontroll

L-eks-Ministru Louis Galea, li bħalissa jokkupa l-kariga ta’ awditur fil-Qorti Ewropea qed iservi ta’ konsulent mhux uffiċjali tal-Kap tal-Oppożizzjoni u huwa l-moħħ wara l-kampanja qawwija li għaddej biha l-PN bħalissa, b’mobilizazzjoni tal-attivisti mill-aktar akkaniti tal-PN. Galea, apparti li huwa ħabib ta’ Busuttil, huwa magħruf ukoll bħala l-istrateġista ewlieni tal-PN qabel l-1987, meta kienu qed isiru wkoll numru ta’ protesti fuq bażi regolari.

Dawk li tkellmu magħna u li ġejjin mill-kamp li jiffavorixxi lil Mario De Marco u Claudio Grech, tnejn min-nies li ma tantx qed jaraw għajn m’għajn mal-istrateġija tal-PN fil-preżent, qalu li Galea qed jipprova jagħmel rikostruzzjoni tal-immaġini tal-Partit Nazzjonalista fiż-żmien li kien immexxi minn Eddie Fenech Adami.

Kif irraporta s-sit illum.com.mt l-għada tal-inċidenti quddiem il-Qorti, bosta fil-PN li tkellmu magħna esprimew l-inkwiet tagħhom li din l-istrateġija mnebbħa minn Louis Galea, bi protesti tal-massa, jekk mhux organizzata sew, tista’ twassal għal inċidenti bħal dawk quddiem il-Qorti. Dakinhar, dawk li tkellmu mal-ILLUM qalu li qed iddur il-kelma fil-partit, speċjalment minn dawk li ma jaqblux mal-mod militant li bih qed titmexxa l-Oppożizzjoni, biex “inżommu naqra l-kalma għax se ngħaxxqu kollox.”

Fid-29 ta’ Frar li għadda saret laqgħa fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, fejn matulha kienet spjegata l-istrateġija aggresiva u militanti Nazzjonalista lil numru ta’ nies midħla sew fil-PN. L-istess sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalulna li dak li ntqal fil-laqgħa inkwistjoni “qed narawh iseħħ biċċa biċċa.” 

Dan kollu qed iwassal biex fil-laqgħat tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista qed joħroġ dejjem aktar in-nuqqas ta’ qbil. L-aktar voċiferi huma Simon Busuttil u Beppe Fenech Adami, li jridu jkomplu għaddejjin b’din l-istrateġija militanti ta’ Louis Galea, u fuq n-naħa l-oħra Mario Demarco u Claudio Grech li jridu jieħdu atteġġjament aktar pożittiv ta’ kif isiru l-affarijiet.

Fl-istess laqgħat tal-Grupp Parlamentari qamet ukoll ċerta rabja għall-mod kif Simon Busuttil qed jaġixxi b’modi differenti mad-Deputati tiegħu stess, hekk kif Busuttil għażel għaxar Deputati minn tiegħu bħala l-‘frontliners’ f’din l-istrateġija militanti filwaqt li qed jinjora lill-kumplament tal-membri Parlamentari tiegħu.

 

More in Politika