'Immigranti fl-UE mingħajr permess għandhom jintbagħtu lura'

Miriam Dalli se tinnegozja biex ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu fl-Unjoni Ewropea b’mod illegali jintbgħatu lura

F’isem is-Soċjalisti Demokratiċi, il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli, se tinnegozja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġi stabbilit dokument Ewropew ħalli ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu fl-Unjoni Ewropea b’mod illegali jintbgħatu lura.

Din il-proposta, tagħmel parti mill-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni u għandha l-għan li tistabbilixxi dokument li jkun aċċettat mill-pajjiż li minnu jkun telaq l-immigrant. Il-proposta għandha l-għan li tassigura l-użu ta’ dan id-dokument biex ikun iffaċilitat ir-ritorn tal-immigranti lejn pajjiżi terzi.

“Il-politika dwar l-immigrazzjoni tinkludi diversi aspetti. Ir-rilokazzjoni uresettlement huma parti minnhom. Imma aspett ieħor importanti ħafna huwa dak ta' ritorn. Immigranti li t-talba tagħhom għall-ażil fl-UE tiġi miċħuda, jew dawk li ma jkunux għadhom jikkwalifikaw għaliha, iridu jintbgħatu lura f'pajjiżhom. B'dan il-mod biss nistgħu nassiguraw politika Ewropea komuni dwar l-ażil,” qalet Miriam Dalli wara li ngħatat dan l-irwol.

“Ħafna stati membri, inkluż Malta, ikollhom jerfgħu aktar milli jifilħu fejn tidħol il-kriżi tal-immigrazzjoni għax ma jkunux jistgħu jibagħtu lura lil dawk li ma jikkwalifikawx għall-ażil. Dan isir minħabba numru ta’ kwistjonijiet legali mal-pajjiż terz,” żiedet tgħid Dr Dalli.

Fi kliem Miriam Dalli, is-sistema tal-UE għar-ritorn tal-immigranti irregolari m'hijiex effettiva biżżejjed. Fl-2014 kienu inqas minn 40% tal-għadd totali ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġa mill-Istati Membri li ġew infurzati. Mingħajr id-dokumenti neċessarji l-immigranti jispiċċaw imwaħħal fl-UE mingħajr ma jkunu jistgħu imorru lura lejn pajjiżhom.

“Li nassiguraw ritorn effettiv, b’mod dinjituż, hija l-unika mod li tista’ ttaffi l-problema minn fuq pajjiżi bħal Malta u kif nistgħu naċċertaw li l-politika Komuni Ewropea għall-Ażil tapplika kif suppost. Dan huwa l-unika mod kif nistgħu nħarsu il-qadi tal-obbligi umanitarji tagħna,” qalet l-MEP Matlija.

Din hija t-tieni proposta leġiżlattiva b’rabta mal-imigrazzjoni li Miriam Dalli se tkun qed taħdem fuqha f’dan il-mandat. Preżentament hija n-negozjatur ewlieni tal-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi fuq it-tibdil leġiżlattiv tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-mekkaniżmu permanenti ta' rilokazzjoni, li jagħmel parti wkoll mir-regoli ta' Dublin.

“Kwalunkwe tibdil fir-regoli ta' Dublin m’għandux ikun sempliċiment bidla kożmetika. Il-ftehim ta’ Dublin tilef mill-valur tiegħu meta eluf ta’ nies innoċenti bdew jitilfu ħajjithom fil-Baħar Mediterran u l-piż tħalla jaqa' kollu kemm hu fuq il-pajjiżi tal-fruntiera," temmen Miriam Dalli.

Ir-regoli ta’ Dublin ilhom jiġu ikkritikati għal ħafna snin għaliex joħolqu pressjonijiet eċċessivi fuq stati membri fuq il-fruntiera bħal Malta. Ir-regoli jimponu li għandu jkun il-pajjiż tal-fruntiera li fih jidħol l-ewwel l-immigrant li jipproċessa t-talba tiegħu għal-ażil jew protezzjoni umanitarja.

“Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tipprovdi għal tibdil kożmetiku biss m’hijiex se tindirizza l-ħtigijiet tal-immigrazzjoni. Il-politika tal-ażil għandha tkun waħda Ewropea bbażata fuq is-solidarjetà, politika li tneħħi r-responsabilita minn fuq l-istati li hemm mal-fruntiera u li tipprovdi għal mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni realistiku,” temmet tgħid Miriam Dalli.

More in Politika